Għadu kemm ġie ippublikat ir-riżultat tal-għażla tal-proġetti li kkwalifikaw biex jirċievu għajnuna taħt l-iskema li permezz tagħha il-Ministeru għal Għawdex ser jipprovdi assistenza finanzjarja lill-għaqdiet mhux governattivi għas-sena 2018.
Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tal-Għaqdiet mhux Governattivi Għawdxin (Gozo NGOs Association) jieħu l-opportunità biex jifraħ lid-dsatax-il organizzazjoni li rrnexxilhom jikwalifikaw taħt din l-iskema. Il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni huwa kburi illi uffiċċjali tiegħu ipprovdew għajnuna lil diversi mill-organizzazjonijiet meta dawn l-istess għaqdiet kienu qed jfasslu l-proposta tal-proġett tagħhom.
Fl-istess waqt, il-Kunsill tal-Assoċjazzjoni jheġġeġ lill-organizzazjonijiet li ma ikwalifikawx biex ma jaqtgħux qalbhom u u jinkorraġġihom u lill-għaqdiet oħra, li ma applikawx, biex japplikaw meta toħrog sejħa oħra ta’ din l-iskema. Fl-istess ħin jfakkar li hemm diversi sejħiet oħra miftuħa u li permezz tagħhom għaqda tista’ takkwista għajnuna biex twettaq ħidmieta.
Il-Kunsill huwa dejjem lest li jagħti l-għajnuna meħtieġa biex ikunu jistgħu jimtlew l-applikazzjonijiet rikjesti. Il-Kunsill jfakkar lill-organizzazjonijiet mhux governattivi Għawdxin, li l-Gozo NGOs Association qiegħda hemm biex taħdem għal-ġid ta’ kull organizzazjoni mhux governattiva li hi attiva f’Għawdex. Hu għalhekk importanti li meta xi organizzazjoni jkollha xi diffikultà għanda tagħmel kuntatt mal-Assoċjazzjoni.