Giovanni Curmi Higher Secondary School tan-Naxxar fil-Parlament | One News

Notifiki

Giovanni Curmi Higher Secondary School tan-Naxxar fil-Parlament

“Filwaqt li huwa importanti ħafna li nisimgħu leħen l-istudenti żgħażagħ fuq temi ta’ importanza nazzjonali, anke f’livell istituzzjonali bħalma hu l-Parlament ta’ Malta, wieħed ukoll irid jagħraf l-importanza ta’ dan il-proċess bħala mezz utli li permezz tiegħu intom tiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħkom fir-riċerka, fl-analiżi, u l-evalwazzjoni tas-suġġett, taslu għall-konklużjonijiet tagħkom, tippreparaw il-proposti tagħkom, u tippreżentawhom ħalli flimkien ma’ oħrajn, tagħtu l-kontribut għall-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin”, stqarr l-Ispeaker Anġlu Farrugia meta fetaħ is-seduta speċjali tal-istudenti ta’ Giovanni Curmi Higher Secondary School fil-Parlament.
Is-suġġetti diskussi matul din is-seduta kienu:

1. Id-drittijiet tal-mara u tat-tarbija fil-ġuf;
2. Il-media u ċ-ċittadini—id-dritt tal-espressjoni tal-kelma u l-assoċjazzjoni;
3. L-arti fil-curriculum nazzjonali tal-iskejjel;
4. L-arti (belle arte) u arti popolari fil-Programm Kulturali 2018;
5. It-tniġġiż fl-arja u l-użu ta’ vetturi tal-elettriku;
6. Il-ħarsien tal-ambjent naturali u storiku f’pajjizna u l-Outside Development Zone (ODZ).

Dwar ir-relazzjoni tal-omm u t-tarbija fil-ġuf, l-Ispeaker qal li d-dritt tal-individwu li jgħix u jgħix b’dinjità huwa assolut u jeħtieġ li jkun irrispettat u mħares. Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 tagħraf id-dinjità tal-persuna umana bħala inerenti u l-bażi tad-drittijiet inaljenabbli u fundamentali tal-bniedem. Hu stqarr li d-dinjità tal-persuna umana hija s-sustanza bażika u essenzjali ta’ kull dritt imħares mil-Liġi Internazzjonali dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem, inkluż li kull persuna għandha tgħix ħielsa, f’ambjent ġust, u fis-sliem u l-paċi. F’dan il-kuntest, l-Ispeaker elenka għadd ta’ dokumenti legali li jħarsu lill-ommijiet u t-tfal tagħhom, inkluż l-ulied f’ġuf ommhom.

Dwar l-Outside Development Zone (ODZ), l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li din hi meħtieġa sabiex ikun irregolat il-bini f’pajjiżna, kif ukoll sabiex ikun imħares l-ambjent, kemm dak mibni u naturali.

Huwa xieraq li dawk l-affarijiet li jiddistingwu lil Malta u lil Għawdex ikunu protetti. Għaldaqstant, hu xieraq li l-kampanja naturali, il-pajsaġġ rurali (inkluż l-għelieqi u l-irziezet), l-flora u l-fawna, il-postijiet storiċi, u l-ambjent marittimu jkunu mħarsa. L-awtoritajiet ikkonċernati għandhom iniedu aktar programmi ntiżi sabiex il-wirt ambjentali nazzjonali jkun, b’mod tanġibbli, mħares, protett, u jinżamm nadif u fi stat tajjeb.

Fir-rigward tal-proposta tal-istudenti dwar l-użu ta’ aktar vetturi li jaħdmu bl-elettriku sabiex jitnaqqas it-tniġġiż fl-arja, l-Ispeaker qal li llum f’Malta għandna karozzi li jitħaddmu bl-elettriku kif ukoll bil-gass (LNG). Waqt li l-użu ta’ dawn il-vetturi għandu jiżdied, huwa qal li l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom ikomplu b’mod aktar deċiżiv—iżda b’konsultazzjoni wiesgħa malpubbliku—iwettqu pjan ta’ azzjoni fit-tul li jinkludi miżuri għal użu ta’ meżżi ndaf ta’ trasport f’pajjiżna.

L-Ispeaker tenna li fl-arti u l-kultura jidhru l-elementi li jsawru l-karattru Malti u Għawdxi. Għalkemm dawn ix-xejriet fl-arti u l-kultura f’Malta jistgħu jkunu influwenzati minn għamliet ta’ ħaddieħor, xorta waħda dak li hu Malti huwa parti essenzjali tal-poplu Malti u mill-memorja kollettiva tal-Maltin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend