DELIA MA JGĦIDX MINN FEJN ĠAB €130,000 F'XAHAR | One News

Notifiki

DELIA MA JGĦIDX MINN FEJN ĠAB €130,000 F’XAHAR

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ma jridx jgħid kif f’xahar ġab mija u tlettin elf ewro biex ħallas it-taxxa li kellu pendenti mad-dipartiment tat-taxxa.

Huma ħafna, anki dawk li fil-partit nazzjonalista, li qegħdin isaqsu minn fejn Adrian Delia f’żewġ pagamenti sab il-flus biex ħallas it-taxxa.

Adrian Delia li ma biegħ l-ebda kumpanija li seta’ daħħal flus minnha. Aktar minhekk, Delia għandu il fuq minn seba’ mija u tlettax-il elf ewro f’dejn ma diversi banek.

L-Erbgħa filgħodu wara li għamel zjara fil-birrerija Farsons, tlabna lil Adrian Delia li għandu problemi finanzjarji, jispjegalna minfejn ġab mija u tlettin elf ewro.

Viżibilment nervuż, Delia qalilna nistennewh għax se joħroġ dokument.

Adrian Delia m’għandux biss problemi finanzjarji tiegħu fuq moħħu, izda anki l-problemi interni tal-partit nazzjonalista. Partit maqsum bejn il-fazzjoni ta’ Delia u l-fazzjoni tal-eks kap nazzjonalista Simon Busuttil.

Filfatt mill-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Adrian Delia kompla jikkonferma l-inkwiet intern.

Meta mistoqsi dwar l-allegazzjonijiet li għamel d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi dwar l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia taħt l-imunita parlamentari, Adrian Delia qal li ma kienx jaf li Azzopardi se jagħmel dak id-diskors fil-parlament.

Ir-relazzjoni ta’ bejn Adrian Delia u Jason Azzopardi zgur li mhiex waħda feliċi.

Filfatt, bħalissa qiegħda tqum il-mistoqsija  jekk Jason Azzopardi għadux l-kelliem għall-ambjent tal-Partit Nazzjonalista.

Is-sit newsbook irraport li d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi f’chat partikolari li kienet infetħet apposta minn esponenti tal-partit nazzjonalista dwar l-ambjent, kiteb li hu m’għadux kelliem għall-ambjent.

Mistoqsi dwar dan Jason Azzopardi qal li mhuwiex infurmat.

Ma’ newsbook Jason Azzopardi  qal li huwa ma jikkumentax ma affarijiet interni tal-partit nazzjonalista.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend