Raġel ta’ ħamsa u sittin sena ġie kkundannat ħamsa u għoxrin sena ħabs wara li nstab ħati li stupru liż-żewġ neputijiet tiegħu ta’ tlieta u ħames snin.
Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi ordnat li isem ir-raġel ma jixxandarx biex titħares l-identità tal-vittmi.
Fil-qorti ngħad li l-abbuż seħħ tul perjodu ta’ seba’ snin waqt li kien ikun qiegħed jieħu ħsieb iż-żewġt itfal ta’ ħuh. Saħansitra ngħad li r-raġel iffilmja l-abbuż.
Tul l-investigazzjoni, il-Pulizija sabet ritratti xokkanti tal-abbuż tat-tfal fuq il-kompjuter tar-raġel.
Sorsi qrib il-professjoni legali fissru dan il-każ ta’ abbuż sesswali fuq tfal bħala wieħed mill-agħar każijiet li qatt ġraw f’Malta.
L-abbuż ingħad li seħħ meta t-tfjaliet kellhom biss tlieta u ħames snin waqt li kien fdat biex jieħu ħsiebhom.
Huwa ġie arrestat fl-2016 wara li waħda mill-bniet li llum għandha aktar minn tmintax-il sena għamlet il-kuraġġ u għamlet rapport lill-puliizja.
Ir-raġel kien mixli li stupra liż-żewġt ibniet, li ġiegħelhom ikunu preżenti għal abbuż sesswali u li kellu fil-pussess tiegħu materjal pornografiku.
Il-ġuri nstema’ wara bibien magħluqa minħabba s-sensittività tal-każ.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, iżda kkonferma l-ħtija tiegħu quddiem il-qorti tal-maġistrati f’Ottubru tal-2016.
Il-każ għadda quddiem il-Qorti Kriminali bl-Imħallef Mizzi jikkundannah 25 sena ħabs wara li qies li r-raġel wieġeb ħati fi stadju bikri tal-proċeduri u l-koperazzjoni tiegħu mal-pulizija.