It-taħdidiet biex jiġi ffurmat gvern fl-Italja fallew, bil-poplu Taljan jaf jerġa’ jiġi msejjaħ biex jivvota f’elezzjoni ġenerali oħra sakemm ma jintlaħaqx qbil għal gvern newtrali proviżjorju li jservi sa tmiem is-sena.
Il-President Taljan Sergio Mattarella qal li dawk huma l-unika żewġ għazliet li fadal wara li n-negozjati għall-gvern ġdid ma waslu mkien. Dan wara li fl-elezzjoni ta’ Marzu l-ebda partit ma ġab maġġoranza.
Iż-żewġ partiti influenti, il-Movimento Cinque Stelle u l-Lega Nord, jaqblu li tissejjaħ elezzjoni oħra iżda l-aħħar kelma hi tal-President Mattarella.
Wara l-aħħar sett ta’ negozjati, ic-Cinque Stelle ma setgħux jilħqu qbil biex jiffurmaw koalizzjoni mal-alleanza taċ-ċentru lemin Forza Italia u l-Lega Nord jew inkella mal-alleanza taċ-ċentru xellug mmexxija mill-Partit Demokratiku.
Fil-każ ta’ gvern temporanju, dan iservi għal ftit xhur biex jkun jista jgħaddi baġit għas-sena d-dieħla, bl-elezzjoni ġenerali iseħħ fil-bidu tal-2019.