Madwar 3 sigħat u nofs wara li daħlet informazzjoni lill-pulizija dwar bomba f’vettura fuq il-vapur tal-Gozo Channel, jerġa’ jibda jopera s-servizz.
Dan ifisser dewmien kbir għal bosta passiġġieri.
Dan kollu ġara wara li dalgħodu l-Pulzija irċieviet informazzjoni li kien hemm bomba ġo karozza fuq il-vapur tal-Gozo Channel. Sa issa għadu mhux magħruf fuq liema vapur tinsab it-theddida ta’ bomba.
Il-vapuri tbattlu mill-karozzi.
Dan kien ikkonfermat miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Gozo Channel Joe Cordina fejn qal li għal ħin twil s-servizz huwa sospiż.
L-awtoritajiet konċernati ġew mgħarrfa minnufih u ħadu l-prekawzjonijiet kollha biex ma jkun hemm ebda riskju.
It-tmexxija tal-Gozo Channel skużaw ruħhom għal kull inkonvenjent minħabba s-sospenzjoni temporanja tas-servizz.
Il-Ministeru għal Għawdex jixtieq jirringrazzja lill-awtoritajiet kompetenti li wettqu din il-ħidma u assiguraw li ma jeżisti l-ebda periklu lill-mijiet ta’ passiġġieri li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Gozo Channel.
Filwaqt li tintalab skuża għal kull inkonvenjent, il-Ministeru għal Għawdex mhux se jittollera li aġir bħal dan ifixkel il-ħidma ta’ din il-kumpanija b’risq il-ġid ta’ Għawdex u l-Għawdxin.