Air-France, waħda mill-linji tal-ajru ewlenin fl-Ewropa, qiegħda f’periklu li tfalli wara li rriżenja l-kap ezekuttiv tal-kumpanija. Dan ġara wara tilwim fuq il-pagi tal-ħaddiema u l-fatt li l-gvern Franċiż irrifjuta li jintervjeni. Kawża ta’ dan, l-ishma fil-kumpanija waqgħu b’14.5%.
Il-Ministru tal-Finanzi Franċiż Bruno le Maire ikkonferma li dan it-tilwim bejn il-ħaddiema qed jhedded l-eżistenza tal-linja tal-ajru. Hu kompla jgħid li l-Gvern li għandu kontrol ta’ 14.3% tal-ishma, mhux lest li jkompli jipprovdi għal kumpanija jekk din ikollha bżonn għajnuna finanzjarja.
Jean-Marc Janaillac, li huwa l-kap ta’ Air France iktar kmieni l-Ġimgħa li għadda, iddikjara li kien ħa jieqaf mix-xogħol f’nofs Mejju wara li eluf ta’ ħaddiema Franċiżi u piloti, ivvutaw kontra offerta ta’ ħlas. L-Air France kompliet tirrimarka li t-tlettax il-ġurnata ta’ strajkes mill-ħaddiema kienu diġà swew mat-tlett mitt miljun ewro.
L-Air France hija s-17 l-akbar kumpanija tal-ajru fid-dinja filwaqt li wara li xtrat il-KLM fl-2004, saret ukoll waħda mill-akbar linji fl-Ewropa.