- Simon Busuttil jagħmilha ta’ tour leader għall-grupp ta’ Occupy Justice
L-Eks Kap Nazzjonalista, Simon Busuttil, issokta bil-kampanja ta’ tixwix tiegħu fi Brussell megħjun mill-MEPs tal-Partit Nazzjonalista.
Nhar l-Erbgħa li għadda tela’ fil-kapitali tal-Unjoni Ewropea mas-sieħba tiegħu, Kristina Chetcuti u dik li tgħid li huma “partners in crime”, Rosette Thake.
Magħhom ħadu delegazzjoni mdaqqsa ta’ nisa mill-grupp Occupy Justice bl-għan ikun li dan il-grupp ta’ nisa jippreżenta ruħu fi Brussell bħala xi grupp ta’ qawmien mis-soċjetà ċivili li hu mħasseb bis-sitwazzjoni politika u tar-rule of law f’Malta. Naturalment, il-fatt li l-grupp kien immexxi mill-Eks Kap tal-Partit Nazzjonalista u l-Eks Segretarju Ġenerali tal-istess partit ftit jista’ jitwemmen meta jipprova jbigħ l-idea li hu xi grupp indipendenti. Però Brussell mhux kulħadd jaf is-sitwazzjoni politika u għalhekk huwa hemm li Simon Busuttil qed ikompli jsib art fertili biex jaħdem fuq il-vendetta li jrid jagħmel kontra l-Gvern Malti wara li baqa’ ma rkuprax mill-fatt li se jkun l-uniku kap ta’ partit li ma sarx Prim Ministru u dabbar l-ikbar telfa elettorali fl-istorja tal-Partit Nazzjonalista.
Għalkemm fil-laqgħat li rnexxielu jagħmel, għax uħud kienu rrifjutati, il-grupp daħal juri wiċċ ta’ sogħba u tħassib kbir fejn is-sitwazzjoni f’Malta kważi tqabblet ma’ dik f’xi pajjiż dittatorjali, il-grupp kellu atmosfera ta’ ħbiberija u festa fost oħrajn f’restorant fejn marru jieklu u nzerta kien hemm Maltin oħra li tkażaw b’dak li beda jingħad fuq il-mejda. Il-gazzetta KullĦadd ikkonfermat li l-uffiċċju tal-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista, David Casa, mhux biss għen loġistikament biex il-grupp ta’ nisa seta’ jispiċċa Brussell iżda intervjena wkoll biex isiru numru ta’ laqgħat fejn kien Casa nnifsu li tkellem għas-suppost grupp indipendenti.
Din mhix l-ewwel darba li ħareġ biċ-ċar kif Occupy Justice mhu xejn għajr estensjoni ta’ dik il-klikka fil-Partit Nazzjonalista li ma tridx taf bil-Kap attwali Adrian Delia u qed timmira li mill-ġdid tieħu t-tmexxija tal-partit. Sa ftit tal-ġimgħat ilu kien żvelat kif kienet il-vettura ta’ Simon Busuttil li ntużat biex fis-satra tal-lejl twaħħlu posters madwar il-pajjiż jattakkaw lill-Prim Ministru u uffiċjali oħra tal-Gvern. Wara li L-Orizzont żvelat dan, Simon Busuttil, li jridha tal-paladin tad-demokrazija tal-kelma għamel ilment mal-Kummissarju tad-Data u saħansitra talab lill-ġurnalisti tal-ġurnal L-Orizzont ikunu investigati għax kixfu għemilu.
L-Occupy Justice kienu wkoll wara l-protesta li saret il-Ħadd li għadda fil-Belt u li għaliha attendew madwar 1,000 ruħ li fost oħrajn semgħu l-messaġġi ta’ David Casa, MEP, id-Deputat Godfrey Farrugia li fil-Parlament għajjar lis-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia u uffiċjali oħra tal-MŻPN. Għal din il-protesta attenda l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia li kellu jċedi għall-pressjoni interna biex imur għalkemm spiċċa mgħajjar kemm fil-protesta nnifisha u kemm fuq il-midja soċjali minn ulied Daphne Caruana Galizia.
Kif żvelat il-Kullħadd ftit tal-ġimgħat ilu filwaqt li Adrian Delia u l-Partit Nazzjonalista jaħdmu l-istrateġija mill-istamperija, Simon Busuttil u l-grupp ta’ Occupy Justice jaħdmu b’mod separat mill-Belt fosthom permezz ta’ laqgħat fil-Każin Malti u uffiċini oħra. Li Delia ma jkun mgħarraf b’xejn mid-deputati tiegħu ħareġ ċar ukoll f’intervista li kellu d-Deputat Jason Azzopardi fuq il-programm In Depth b’rabta mal-akkużi serji li għamel fil-Parlament nhar it-Tnejn (ara L-Editorjal). Mistoqsi jekk ladarba kien se jagħmel aġġornament fuq kwistjoni tant serja u akkużi ta’ ċertu toqol infurmax bihom lill-Kap Adrian Delia, Jason Azzopardi, kien ċar u qal li ma infurmahx