Servizzi pubbliċi għand kulħadd minn kullimkien | One News

Notifiki

Servizzi pubbliċi għand kulħadd minn kullimkien

Is-servizzi pubbliċi qed ikomplu jersqu aktar lejn iċ-ċittadin. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar iċ-ċittadin qed ikun fil-qalba tas-servizzi pubbliċi bil-għan li jinqeda iktar malajr u b’aktar konvenjenza u kumdità.

Iżda biex il-pubbliku jagħmel użu mis-servizzi pubbliċi jrid jiġi bżonnhom. Niltaqa’ ma’ ħafna persuni li sakemm ma jiġux bżonn servizz pubbliku, jiġifieri servizz governattiv, ftit li xejn jagħtu każ ta’ dak li jkun qed jiġri madwarhom. Imbagħad jiġu bżonn biex japplikaw għal xi skema tal-gvern jew xi benefiċċju u dlonk tarahom iterrqu lejn xi dipartiment li qalilhom bih il-ġar biex ifittxu jinqdew.

Il-proviżjoni tas-servizzi lill-pubbliku sar iktar faċli aktar minn qatt qabel. Spiċċa ż-żmien li persuna terħilha lejn il-Belt Valletta biex tara minn fejn se tinqeda. Illum il-pubbliku għandu aċċess għas-servizzi pubbliċi kollha minn kullimkien. Dan ġie saħansitra ffaċilitat bl-introduzzjoni tas-servizzi governattivi onlajn kif ukoll b’numru ta’ mobile apps permezz tal-app maltapps.

Fejn qatt wieħed kien jobsor li jista’ jaċċessa servizzi nawtiċi minn fuq l-opra tal-baħar tiegħu. Iva, vera li grazzi għat-teknoloġija għamilna passi kbar ’l quddiem. Iżda li kieku ma kienx għad-determinazzjoni u l-ippjanar tas-Servizz Pubbliku li mexa mal-pass mgħaġġel tat-teknoloġija, is-servizzi governattivi kienu jibqgħu l-art.

Illum is-servizzi governattivi kollha jinsabu onlajn għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Hemm firxa wiesgħa li wieħed jista’ jagħmel użu minnhom. La semmejna l-opri tal-baħar wieħed ma jistax ma jinnutax li biex tapplika għal-liċenzja nawtika tista’ tagħmel dan mill-kumdità ta’ darek. Illum hemm ukoll il-mobile app bl-isem ta’ Nawtika li tinkludi mhux biss informazzjoni marittima għall-baħħara kollha iżda wkoll notifiki fuq il-portijiet fl-ibħra territorjali.

Dan kollu jinsab onlajn. Għal min jippreferi servizz wiċċ imb wiċċ hemm ħames ċentri reġjonali jew inkella numru bla ħlas, 153, li permezz tiegħu tingħata l-assistenza li għandek bżonn.

Għalhekk servizzi pubbliċi għand kulħadd minn kullimkien. Għax is-servizzi llum huma aċċessibbli minn kullimkien u minn kulħadd, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend