ARA: Tender għall-pipeline tax-Xatt l-Aħmar | One News

Notifiki

ARA: Tender għall-pipeline tax-Xatt l-Aħmar

Il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma ppublikat tender li se jkun qed jindirizza l-ħsara li għandu l-pipeline ta’ Xatt l-Aħmar f’Għawdex.

Il-pipeline eżistenti, li jinsab viċin Għajnsielem, kien installat fl-1998, u jservi biex jintrema fil-baħar id-drenaġġ imnaddaf mill-Impjant tat-Trattament tad-Drenaġġ t’ Għawdex.

Il-pipeline jibqa ħiereġ ‘il barra minn max-xatt mija u erbgħin metru u jleħħaq fond ta’ madwar tmenin metru.

Matul l-aħħar snin, l-aħħar tmienja u tletin metru ta’ dan il-pipeline spiċċa blokkat kompletament, u ilha tinħass il-ħtieġa li din il-parti tinbidel.

Il-proġett f’Xatt l-Aħmar se jikkonsisti minn tlett ħidmiet prinċipali.

L-ewwel se jsir stħarriġ preliminari tal-pipeline eżistetni u ta’ qiegħ il-baħar, biex imbagħad titneħħa l-parti blokkata u r-rimi kif suppost tagħha.

Dan biex finalment jinħadem u jkun installat il-pipeline il-ġdid fuq l-istess pożizzjoni tal-pipeline l-antik, u jkun imqabbad mal-kumplament.

Fi stqarrija, il-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma qalet li l-infrastruttura l-antika sofriet ħsarat minħabba l-użu ħażin tas-sistema tad-drenaġġ.

Żiedet tgħid li huwa importanti ferm li skart uman u karti degradabbli biss jintremew fis-sistema, hekk kif materjali oħra jikkawżaw ħsara u danni fuq il-kapaċita tan-netwerk u kif ukoll tal-pjanti tat-trattament.

Il-Kap Eżekuttiv Richard Bilocca spjega li l-proġett, flimkien ma’ inizjattivi oħra importanti li qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma u l-Ministeru għal Għawdex, għandu l-għan li jassigura soluzzjoni fit-tul għall-ostakli preżenti.

Is-sejħa għall-offerti ta’ dawn ix-xogħolijiet se tagħlaq fil-ġimgħat li ġejjin, u d-dokumenti huma disponibbli minn fuq is-sit http://www.wsc.com.mt/tenders

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend