Hekk kif l-għadd ta’ migranti internazzjonali laħaq it-3.4 fil-mija tal-popolazzjoni dinjija, qed isir dejjem aktar ċar li għandna bżonn inħarsu lejn dan il-fenomenu minn perspettiva globali u b’mod komprensiv, qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela. F’dan ir-rigward, irridu nassiguraw li naqsmu l-esperjenzi globali bejnietna u li dawn jiġu riflessi fuq livell globali.
Il-Ministru Abela kien qed jitkellem waqt il-Ħames Konferenza Ministerjali tad-Djalogu Ewro-Afrikan dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (il-Proċess tar-Rabat), li tlaqqgħet f’Marrakech, il-Marokk, nhar l-Erbgħa, it-2 ta’ Mejju 2018. Il-konferenza ġabret flimkien Ministri u rappreżentanti ta’ livell għoli minn 58 pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u tal-Afrika b’mira maqsuma fi tlieta: li l-Proċess tar-Rabat jitpoġġa fil-qafas globali dwar il-migrazzjoni; li jissaħħaħ l-irwol tal-Proċess fil-moniteraġġ tal-Pjan Konġunt ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta u li jiġi assigurat li l-impenji li saru waqt il-Laqgħa Għolja tal-Belt Valletta dwar il-Migrazzjoni ta’ Novembru 2015; u li jiġi adottat il-qafas strateġiku l-ġdid tiegħu għall-perjodu bejn l-2018 u l-2020.
Il-Ministru Abela qal li l-Proċess tar-Rabat ta prova li huwa l-pjattaforma ideali għall-koperazzjoni politika fil-qasam tal-migrazzjoni fost il-pajjiżi li jinsabu fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u tal-Punent. Għaldaqstant, huwa kruċjali li l-Proċess tar-Rabat iżomm ir-ritmu li qabad, u li jibqa’ jipprovdi l-ispinta meħtieġa biex tittieħed aktar azzjoni f’dan il-qasam. Barra minn dan, irid jiġi assigurat li kwalunkwe deċiżjoni marbuta mal-migrazzjoni li tittieħed fi pjattaformi oħrajn, bħad-Djalogu bejn l-UE u l-Afrika, jinkludu lill-Proċess tar-Rabat fl-implimentazzjoni.
“Ejjew inkunu ċari: għad baqa’ ħafna xogħol xi jsir. Il-migrazzjoni irregolari fir-reġjun tagħna baqgħet isseħħ f’numri kbar, u l-imwiet tal-migranti waqt it-traġitti tagħhom sfortunatament ma waqfux,” qal il-Ministru Abela. F’dan il-kuntest, Malta tappoġġja bis-sħiħ lill-proposta tal-Marokk għal mekkaniżmu dwar l-impenji meħudin rigward it-twettiq tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta. Dan huwa mod kif jinkisbu riżultati aħjar, kif ukoll biex jiġi assigurat li l-azzjonijiet jinqasmu aħjar fuq il-ħames pilastri tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta.
Il-Ministru qal li Malta hija ħerqana li tara l-adozzjoni, aktar tard din is-sena f’Marrakech, tal-Patt Globali għal Migrazzjoni Sigura, Ordnata u Regolari, li se jkun l-ewwel ftehim innegozjat bejn il-gvernijiet u mħejji taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Magġquda, biex ikopri d-dimensjonijiet kollha tal-migrazzjoni internazzjonali b’mod ħolistiku u komprensiv. Malta qiegħda wkoll tistenna b’ħerqa l-Laqgħa tal-Uffiċjali ta’ Livell Għoli tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta, li se ssir f’Addis Ababa f’nofs Novembru li ġej. Dik il-laqgħa se tkun importanti biex tmexxi ’l quddiem il-ħidma tal-Proċess tar-Rabat, u se tikkonċentra fuq dak li sar taħt il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta u l-implimentazzjoni tiegħu minn Novembru tal-2015 lil hawn. Barra minn hekk, se toħroġ b’viżjoni strateġika dwar il-futur tal-pjan ta’ azzjoni tal-Belt Valletta, fuq il-bażi ta’ riflessjonijiet li se jiġu mill-proċessi tar-Rabat u ta’ Khartoum.
Il-konferenza adottat Dikjarazzjoni Politika u Pjan ta’ Azzjoni li jibnu fuq l-impenji li ttieħdu fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta u li għandhom iwasslu għal koperazzjoni aktar fil-fond bejn il-pajjiżi sħab fil-qasam tal-migrazzjoni.
Intant, fil-marġini tal-konferenza, il-Ministru Abela kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Koperazzjoni Internazzjonali tal-Marokk, Nasser Bourita. Il-Ministri qablu li għalkemm ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Marokk huma tajbin ħafna, il-potenzjal kollu tagħhom għad irid jiġi sfruttat. Huma impenjaw irwieħhom li jaħdmu flimkien b’mod attiv biex jindirizzaw din l-isfida sabiex jissaħħu r-relazzjonijiet politiċi, kummerċjali, u kulturali bilaterali.
Il-Ministru Abela ltaqa’ wkoll mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju, Didier Reynders, li miegħu ddiskuta dwar materji ta’ interess bilaterali.
Laqgħa bilaterali oħra saret mal-Kummissarju tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (l-ECOWAS) responsabbli mill-Kummerċ, id-Dwana, il-Moviment Ħieles, u t-Turiżmu, Tèi Konzi. Huma ddiskutew fuq kif Malta tista’, b’mod konkret, issaħħaħ il-koperazzjoni tagħha ma’ din il-forza ekonomika b’saħħitha ta’ 15-il pajjiż. Il-Ministru qal li l-Kummissjoni Għolja li Malta se tiftaħ dalwaqt fil-Ghana se sservi wkoll bħala pont bejn pajjiżna u l-ECOWAS.