Żjara lill-fdalijiet ta' wara d-Domus Romana | One News

Notifiki

Żjara lill-fdalijiet ta’ wara d-Domus Romana

Heritage Malta se torganizza żewġ żjajjar bi gwida fil-fdalijiet li jinsabu fuq wara tad-dar Rumana magħrufa aħjar bħala d-Domvs Romana. Din l-attivitá se ssir nhar is-Sibt li ġej 5 ta’ Mejju.

Id-Domvs Romana, li tinsab eżatt barra s-swar tal-Imdina, tospita fdalijiet Rumani mill-aktar interessanti li jagħtu ħjiel dwar il-ħajja domestika fl-epoka Rumana. Minbarra li hemm tagħrif dwar is-sit, il-mużew jesplora d-diversi aspetti ta’ għixien ta’ familja Rumana. Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunitá wkoll jaraw l-ikbar art tal-mużajk eżistenti f’Malta li kienu jsebbħu l-kmamar ta’ din id-dar Rumana, li huma fost l-iktar fini fiċ-ċentru tal-Mediterran.

Dawn il-fdalijiet instabu nhar it-3 ta’ Frar 1881, meta ħaddiema kienu qegħdin iħaffru biex iħawwlu s-siġar mad-dawra tal-Imdina u ġiet skoperta l-art bil-mużajk. F’Settembru tal-1920 sar skavar fl-inħawi fit-tramuntana tad-Domvs Romana, fdalijiet li llum jinsabu fuq wara tal-mużew, kif ukoll fl-għelieqi fil-lvant tat-triq li kienet twassal sal-istazzjon tal-ferrovija fl-Imtarfa. Hawnhekk ġew skoperti fdalijiet oħrajn li jmorru lura bejn it-tielet u r-raba’ seklu WK.

Iżda l-fdalijiet li hemm fuq wara ta’ Domvs Romana x’inhuma? X’kienu eżatt u x’rabta għandhom mal-fdalijiet tad-dar skoperti fl-1881? U x’tagħrif ieħor jistgħu jiżvelaw dwar il-belt Rumana ta’ Melite?

Iż-żewġ żjajjar bi gwida se jsiru fl-10.30am  u fis-1.30pm. Il-biljetti għal din l-attivitá huma limitati u jistgħu jinkisbu mill-mużewijiet u siti kollha ta’ Heritage Malta jew online, http://shop.heritagemalta.org. Il-prezzijiet huma €10 għall-kbar, €9 għall-anzjani u l-istudenti u €8 għall-membri ta’ Heritage Malta u tfal. Il-prezz jinkludi wkoll waqfa għall-kafé.

Iktar tagħrif dwar attivitajiet organizzati minn Heritage Malta jinkiseb mill-website, http://www.heritagemalta.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend