Rabatha u heddidha b’sikkina fil-Fgura – One News

Notifiki

Rabatha u heddidha b’sikkina fil-Fgura

Amadeo Grima ta’ tmienja u tletin sena kien ikkundannat erba’ snin ħabs wara li nstab ħati li wettaq serqa armata minn ħanut fil-Fgura.

Huwa kien akkużat li fit-tlieta ta’ Frar ta’ seba’ snin ilu, daħal f’ħanut tas-sbuħija u seraq tliet mitt ewro u laptop.
Dan fl-istess waqt li kien akkużat ukoll li ssekwestra lil sid il-ħanut, li uża arma u li huwa riċediv.

Fil-Qorti, xehdet il-beautician li qalet kif Amadeo flimkien ma’ martu kienu marru fil-ħanut tagħha lejliet is-serqa u talbu appuntament.

Kien l-għada filgħodu, li l-koppja reġgħet marret fil-ħanut bi Grima ħatafha minn għonqha waqt li l-mara rabtitha b’lazz.

Il-beautician kompliet tgħid li tefgħulha tapp f’ħalqha u għalquhulha b’ċarruta, filwaqt li Grima għamlilha sikkina m’għonqha u heddidha li joqtolha.

Sussegwentament, Grima u martu nġabru mill-Pulizija u ġew identifikati minn sid il-ħanut u l-impjegata tagħha.
Mill-ħanut inġabru wkoll marki tas-swaba’ li kienu jaqblu ma’ ta’ Grima, li baqa’ jiċħad l-involviment tiegħu fis-serqa.

Il-Qorti kkunsidrat li Grima kien diġà nstab ħati diversi drabi b’serq bl-uffiċjal tal-probation kien qal li ma kienx impenjat biex jibdel ħajtu. Għaldaqstant, ikkundannat lil Grima għal sentenza ta’ erba’ snin ħabs.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend