It-tkabbir Ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ b’saħħtu – Il-Kummissjoni Ewropea – One News

It-tkabbir Ekonomiku ta’ Malta se jibqa’ b’saħħtu – Il-Kummissjoni Ewropea

Fl-aħħar rapport tagħha dwar l-ekonomija Maltija, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna se jibqa’ b’saħħtu bil-mod li hu anke fiż-żmien li ġej.

Il-Kummissjoni Ewroepa tinnota li l-ekonomija ta’ Malta hija fost l-iżjed li qed tikber b’rata mgħaġġla fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, b’rekord tal-inqas rata ta’ qgħad u bi tkabbir moderat fil-paga.

Dwar il-finanzi tal-Gvern, il-Kummissjoni Ewropea tinnota li l-Gvern se jibqa’ jkollu surplus fil-finanzi tiegħu. Dan bis-saħħa ta’ bosta fatturi fosthom tkabbir ekonomiku li se jibqa’ fost wieħed b’saħħtu matul ix-xhur li ġejjin.

Il-Kummissjoni Ewropea tinnota wkoll ir-ritmu li qabdet Malta matul is-sena li għaddiet bi tkabbir ekonomiku ta’ 6.6 fil-mija.

Tkompla wkoll it-tkabbir fis-settur tax-xogħol permezz ta’ ħaddiema barranin u anke ż-żieda tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Dan ħoloq xogħlijiet ġodda waqt li r-rata ta’ qgħad mistennija tibqa’ baxxa b’mod rekord taħt l-4 fil-mija.

Il-Kummissjoni qalet li ma tidher l-ebda thedidda jew riskju ta’ nuqqas ta’ bilanċ fl-eknomoija maġġuri ta’ Malta anzi pjuttost qed tiġi ppreżentata sfera ta’ opportunitajiet ġodda permezz tal-blockchain u l-cryptocurrencies.

Id-dħul fiskali kompla jiżdied b’mod sostanzjali fl-2017 kemm permezz ta’ dħul minn taxxi u anke mill-iskema taċ-ċittadinanzna.

In-nefqa tal-Gvern kienet tirrikjedi l-iżjed is-settur tas-saħħa u s-settur edukattiv.

Id-dejn tal-Gvern għal prodott gross domestiku naqas għal 50.8 fil-mija fis-sena 2017 u mistenni li jkompli jonqos sa 43.4 fil-mija fl-2019.

Aġġornat:

 

Fit-tbassir ekonomiku tagħha l-Kummissjoni Ewropea qed turi li kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019 pajjiżna se jkollu l-ogħla rata ta’ tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea. L-istess fil-qasam tal-impjiegi, fejn pajjiżna issa ilu mill-2013 ikollu l-ikbar tkabbir.

L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru wkoll li s-surplus tal-gvern se jibqa ‘l fuq minn 1% tal-ġid nazzjonali, jiġifieri d-doppju tat-tbassir li kienu għamlu ftit xhur qabel. Saret reviżjoni wkoll fil-piż tad-dejn nazzjonali, minħabba li t-tbassir preċedenti, li d-dejn jonqos għal 50% tal-ġid nazzjonali fl-2019, fil-fatt intlaħaq fl-2017. Issa, għall-2019, il-Kummissjoni qed tantiċipa li d-dejn jersaq lejn l-43%.

L-esperti tal-Kummissjoni Ewropea qed ibassru rata ta’ tkabbir ekonomiku ta’ 5.8% għal Malta fl-2018 u 5.1% fl-2019. Dan it-tbassir għal Malta huwa iktar mid-doppju tar-rata li bih mistennija tikber l-ekonomija Ewropea fl-istess snin, kif ukoll iktar mid-doppju tal-medja ta’ tkabbir li kien osservat f’pajjiżna bejn l-2009 u l-2013.

Fir-rapport tagħha dwar Malta, intitolat ‘Malta: Sustained economic growth’, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jgħidu li qed jistennew it-tkabbir “to remain vigorous over the forecast horizon”, filwaqt li jinnutaw li “Malta’s economy is among the fastest growing economies in the EU, with record-low unemployment”. Dan l-iżvilupp huwa dovut għas-settur tal-esportazzjoni, speċjalment il-qasam tas-servizzi.

Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li din is-sena l-espansjoni ekonomika ser isseħħ “in a context of favourable labour market conditions and high consumer confidence”.

Filwaqt li qed ibassru li r-rata tal-qgħad tibqa f’livell baxx rekord, l-esperti tal-Kummissjoni jgħidu li l-pagi f’pajjiżna se jogħlew b’iktar mill-medja Ewropea. Fil-fatt, kemm fl-2018 kif ukoll l-2019, il-paga medja wara li tikkunsidra l-inflazzjoni mistennija togħla bid-doppju f’Malta meta mqabbel mal-medja fl-Unjoni Ewropea. Ir-rata ta’ tkabbir fil-pagi mistennija tkun kważi d-doppju taż-żidiet li kien hemm bejn l-2009 u l-2013.

Filwaqt li l-Oppożizzjoni tikkritika li mhux qed jinħolqu setturi ġodda, l-esperti tal-Kummissjoni Ewropea jiddikjaraw li t-tkabbir f’Malta jista’ jaċċellera minħabba li “the services sector could benefit from opportunities arising in new areas such as blockchain and cryptocurrencies exchanges”.

F’dan il-kuntest, il-gvern huwa kommess li jkompli jissoda l-bażi tat-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna u jkompli jinvesti iktar biex l-ekonomija tissaħħaħ iktar fiż-żmien li gej u l-ġid jibqa’ jasal għand kulħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend