L-Adozzjoni u l-IVF | One News

Notifiki

L-Adozzjoni u l-IVF

Professur tal-Psikologija, Dr Mary Anne Lauri qalet li hija adottat u mhux għamlet IVF.  Perfettament għażla legittima għax kulħadd liberu kif jagħżel u jfassal ħajtu, u ħadd m’għandu jimponi fuq ħadd. Naturalment fejn tkellmet riedu jikkwotawha għax ma taqbilx mal-liġi li għaddejja mill-Parlament.

Jien m’ghandi xejn kontra l-adozzjoni, u j’Alla min jidħol ghaliha tirnexxi. Tirnexxi kemm għall-ġenituri u kemm għall-minuri. Imma l-ġrajja mhux dik bil-fors, u hawn min ingidem. Konna smajna fuq każ fejn kien hemm allegat abbuż ta’ minuri minn min adottahom. U żmien twil ilu kien hemm mara li stqarret miegħi li lit-tifel li adottat u issa kien sar raġel, kienet tħossu qrib tagħha u taf li mhux demmha u xewqatha ma kenux sempliċi dwaru.

Forsi dawn każi estremi. Kien hemm min ma kienx fortunat ħafna bl-adozzjoni. U naħseb Professur tal-Psikologija tista’ tagħmel riflessjonijiet u tifhem mal-ewwel dak li se ngħid.

Meta ssir adozzjoni, jrid ikun hemm ċertifikat li kemm il-ġenituri u kemm it-tarbija huma f’saħħithom. Dan speċjalment meta jkun hemm adozzjoni internazzjonali. Imma xejn ma jista’ jsir biex wieħed ibassar x’se jkun l-iżvilupp psikologiku ta’ dik it-tarbija hekk ħelwa. Meta tikber se tibqa’ dak l-anġlu ????

Mhux neċessarjament se jinstab mil-liema ġejja dik it-tarbija.  U ejja ngħiduha : mhux biżżejjed it-trobbija u l-edukazzjoni u t-trawwim u l-attenzjoni, imma l-karattru bosta drabi jintiret. Fuqi nnifsi nħoss meta nkun qed nixbaħ lil ommi, u meta nkun qisni missieri.  Meta nħares lejn uliedi, mrobbija bl-istess mod u fl-istess ambjent, wieħed wiret il-karattru prinċipalment ta’ nannuh Anton Buttigieg, u t-tifla fula maqsuma m’ommi.

Jien naf b’każijiet fejn min adotta xtaq jigdem il-minkeb u dik id-deċiżjoni qatt ma ħadha, u kien hemm trabi li meta kibru sabu ruħhom f’ambjent li qatt ma xtaqu.

Forsi meta l-adozzjoni ssir minn Malta jkun hemm anqas problemi ghax kulhadd jaf lil kulhadd, imma meta jkun hemm adozzjoni internazzjonali l-periklu tal-karattru huwa akbar. U kbir ħafna. U dan barra n-negozju li jkun hemm fit-trabi. Jew dan jiġri biss f’pajjiżi oħra u għall-Maltin le.

Bl-IVF hemm ir-rabta tad-demm. U xejn ma jkisser jew jisboq dik ir-rabta. Għax mhux tagħti biss il-lewn tal-għajnejn u l-lewn tax-xagħar, u t-tul eċċ eċċ, imma jgħaddi wkoll parti mill-karattru.

Bid-demm tiret kollox. Bl-adozzjoni j’Alla tinzerta.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend