Il-Pulizija ċaħdet allegazzjonijiet li għamel id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi t-Tnejn fil-Parlament meta bl-immunità parlamentari allega li surġent tal-pulizja għarraf minn qabel lit-tliet akkużati mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia bl-operazzjoni li kienet se ssir f’dawk li kienu l-imħażen tal-patata fil-Marsa f’Diċembru li għadda.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kif diġà spjegat lil Dr Azzopardi li qiegħed jidher bħala parte civile għall-familja ta’ Caruana Galizia fil-każ tat-tliet persuni mixlija bil-qtil, il-Pulizija qatt ma nġibditilha l-attenzjoni b’tali allegazzjoni ta’ ħruġ ta’ informazzjoni dwar l-investigazzjoni li qed issir b’rabta mal-qtil.
Il-Pulizija żiedet tiċċara li l-passi li ttieħdu b’rabta mas-Surġent tal-Pulizija m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-operazzjoni li wasslet għall-arrest tat-tliet akkużati. Żiedet tgħid li dan is-Surġent bl-ebda mod ma kien konxju ta’ xi informazzjoni marbuta ma’ din l-operazzjoni.
B’rabta mal-akkużi li kien hemm xi interċettazzjonijiet fuq is-suspettati u li tahowm indikazzjoni dwar l-operazzjoni, il-Pulizija qalet li Dr Azzopardi bħala avukat parte civile fil-każ għandu jkun jaf li l-informazzjoni kollha pertinenti kienet ippreżentata fil-qorti matul il-każ kontra t-tliet akkużati.
Il-Pulizija ċaħdet ukoll li hemm xi evidenza li tissostanzja l-allegazzjoni li l-forzi tal-ordini kienu b’xi mod informati minn qabel dwar il-qtil qabel ma’ seħħ.
Saħqet li dawn l-allegazzjonijiet ma jgħinux fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia, Qalet li dawn l-akkużi jistgħu jagħmlu ħsara fil-każ li l-pulizija qed tibni fil-każ kontra t-tliet suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u xi żviluppi li jista’ jkun hemm dwar dan il-każ
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2018/05/PR-202-18-English-1.pdf” title=”PR 202 18 (English) (1)”]