Siġra li ngħatat lil President Amerikan Donald Trump bħala rigal mingħand il-President Franċiż Emanuel Macron sparixxiet mill-ġnien tal-White House inqas minn ġimgħa wara li nżergħet miż-żewġ mexxejja f’ċeremonja apposta waqt iż-żjara statali tal-President ta’ Franza.
Din is-siġra nġiebet minn Bellau fi Franza, fejn għexjieren ta’ suldati Amerikani tilfu ħajjithom fl-Ewwel Gwerra Dinjija u nżergħet fil-preżenza tan-nisa tal-mexxejja, Melania Trump u Brigitte Macron.
Il-President Trump kien qal li Franza hi pajjiż speċjali ħafna u li ogħgibtu ħafna s-siġra. Il-President Macron kien ittama li r-rigal ikun tifkira tar-relazzjonijiet li jgħaqqdu ż-żewġ pajjiżi. Biss, f’ritratt meħud ftit jiem wara ma jidher xejn għajr roqgħa safra fejn is-siġra kienet inżergħet.
L-ebda spjegazzjoni uffiċjali ma ingħatat, imma sorsi fil-Palazz Elysee sostnew li s-siġra ittieħdet f’kwarantina.