Marija Cassar ta’ sebgħa u għoxrin sena minn Birżebbuġia kienet ikkundannata tmien xhur priġunerija u mmultata disa’ mitt ewro, wara li nstabet ħatja li daħħlet id-droga eroina fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, permezz ta’ kondom moħbija fil-parti privata tagħha.
Il-każ imur lura għas-sitta ta’ Ġunju elfejn u għaxra meta għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar, hi kienet dieħla fil-ħabs, u twaqqfet biex tfittxija fuq il-persuna. Fil-Qorti, intqal kif hi kienet dieħla l-ħabs biex iżżur lis-sieħeb tagħha Maximilian Ciantar.
Hi u dieħla, l-mara ġiet ordnata minn żewġ Kuntistabbli nisa biex titbaxxa u tiftaħ il-parti intima tagħha. Kien hawn meta waqa’ kondom mill-parti intima tagħha – kondom, li wara li ġie investigat, instab li kien fih bħal boċċa b’sustanza suspettata droga.
L-espert tal-Qorti li tqabbad biex jevalwa s-sustanza li nstabet fil-pussess tal-mara, rrimarka li t-trab ta’ lewn kannella li nstab fil-kondom kien fil-fatt punt sittax ta’ gramma eroina, b’purità ta’ madwar ta’ ħmistax fil-mijja.
Il-mara għażlet li tixhed f’dawn il-proċeduri, u filwaqt li stqarret li dakinhar tal-każ hi kellha d-droga fil-pussess tagħha, allegat li kien Ciantar li talabha u saħansitra heddidha biex tipprovdilu l-eroina fil-ħabs.
Qalet ukoll li kienet hi stess li akkwistat id-droga eroina bil-prezz ta’ tletin ewro, b’Ciantar jipprovdilha n-numru ta’ terza persuna, liema droga imbagħad daħlet biha ġewwa l-ħabs fil-jum in kwistjoni.
Minkejja li fil-kontro-eżami tagħha allegat li Ciantar ġieli ħebb għaliha hi sostniet li qatt ma marret l-Isptar. Fix-xhieda tiegħu, missiera sostna li f’okkażjoni minnhom huwa kien ra lil bintu mbenġla għalkemm ma kinitx qaltlu li kienet ġiet imsawta.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kkunsidrat li l-fedina penali tal-mara fiż-żmien tal-każ kienet waħda netta u li għalkemm ma rreġistratx ammissjoni, hija kkoperat mal-Pulizija waqt l-investigazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Spiridione Zammit.