Sal-aħħar tax-xahar, sitt elef u ħames mitt persuna se jieħdu lura bejniethom erba’ miljun u tmien mitt elf ewo li ħallsu żejda fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi fl-elfejn u sebgħa.
L-iskema bdiet trodd il-flus lil persuni li rreġistraw il-karozzi tagħhom f’pajjiżna bejn l-elfejn u erbgħa u l-elfejn u tmienja.
F’konferenza tal-aħbarjiet li matulha tħabbret ir-raba’ edizzjoni tal-iskema, il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, qal li din is-sena se jitħallsu l-flus lura lil dawk li rreġistraw il-vetturi tagħhom fis-sena elfejn u sebgħa.
Il-Ministru Borg spjega li l-matul ix-xahar ta’ Mejju, Transport Malta se tibgħat l-applikazzjonijiet lil dawk eleiġibbli li min-naħa tagħhom iridu jibagħtuha lura. Qal li sal-aħħar tax-xahar, dawn se jirċievu ċ-ċekk bil-ħlas dovut.
Dr Borg qal li l-għotja ta’ din is-sena hija l-ikbar waħda sa’ issa. Mill-elfejn u erbatax sal-elfejn u sbatax, tqassmu lura iktar minn tlettax-il miljun. Bl-għotja ta’ din is-sena, se jkunu tqassmu total li jaqbeż is-sbatax-il miljun ewro.
Il-Ministru għall-Finanzi, Edward Scicluna, qal li din l-iskema turi li dak li jwiegħed dan il-Gvern, iwettqu. Spjega li l-fatt li sena wara sena din l-iskema qed tiġi mġedda, jagħti serħan tal-moħħ lil dawn il-persuni, li għandhom jieħdu xi flus.
Il-Ministru Scicluna spjega li din mhux l-ewwel darba li l-Gvern qed juża dan il-mudell ta’ rifużjoni. Fakkar kif diġà hemm eluf fosthom Pulizija, nies tal-Korpi, u dawk tax-xatt, li qed igawdu minn flus li ħadu taħt dan il-Gvern.