It-titjiriet tal-Air Malta lura għan-normal – l-ALPA twaqqaf l-azzjoni industrijali | One News

Notifiki

It-titjiriet tal-Air Malta lura għan-normal – l-ALPA twaqqaf l-azzjoni industrijali

L-Assoċjazzjoni tal-Piloti ssospendiet azzjoni industrijali li lbieraħ wasslet biex mijiet ta’ passiġġieri tħallew l-art.
Dan sar wara deċiżjoni tal-Qorti li segwiet mandat ta’ inibizzjoni kontra l-ALPA mressaq mill-Air Malta, hekk kif innutat li bl-azzjoni industrijali, l-ALPA kienet qed tikser il-ftehim kollettiv.
Ilbieraħ kmieni waranofsinhar, l-ALPA ordat lill-membri tagħha biex ma jagħmlux użu mill-ajruplan il-ġdid tal-Air Malta; bir-raġuni tkun nuqqas ta’ buttuna fil-kabina li m’għandha l-ebda relavanza għas-sigurtà tat-titjira.

Dan wassal biex għexieren ta’ passiġġieri li kienu fi triqithom lejn Katanja baqgħu l-art; bit-titjira skedata lejn Katanja telqet minn Malta disa’ sigħat tard.

L-Air Malta kkundannat bil-qawwa din l-azzjoni u qalet li se tagħmel dak kollu li tista’ biex tipproteġi l-interessi tagħha u tal-passiġġieri tagħha u tnaqqas l-impatt minn din l-azzjoni.
Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li issa – fid-dawl li l-ALPA ssospendiet l-azzjoni industrijali, qed tistenna li t-titjiriet tagħha joperaw b’mod normali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend