Fi stqarrija l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta qed jitlob kjarifika wara kummenti li għamel il-Kap tal-Europol, is-Sur Wainwright b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Il-Pulizija qalet li tinsab sorpriża għall-istqarrija li ta Mr Wainwright. Dan hekk kif fl-ebda punt ma ġiet infurmata li kien hemm xi nuqqasijiet b’rabta mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-istqarrija tgħid li għal kuntrarju għal dak li ntqal, sal-bieraħ il-Korp tal-Pulizija kien qed jiddiskuti t-triq ‘il quddiem ta’ kif għandha tkompli l-investigazzjoni.
Il-Pulizija qed titlob li ssir kjarifika mill-Europol sabiex tifhem aktar x’ried ifisser is-Sur Wainwright. Sostniet li l-midja qed tinterpreta dak li ntqal b’mod ħażin.
Rigward dak li ntqal dwar żieda fit-tħassib dwar l-investigazzjoni, liema investigazzjoni attiva qed tingħata l-ogħla prijorità u għalekk mhix se tikkummenta dwar dan.
Il-Pulizija ta’ Malta tenniet li hi fittxet l-assistenza tal-Europol u li żammet relazzjoni tajba tul l-investigazzjoni li saret b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.