Għaddej ix-xogħol biex jitjieb id-dħul u l-ħruġ mill-Imtarfa min-naħa tar-Rabat. Dan filwaqt li qed jingħata l-asfalt lit-toroq ta’ din iż-żona.
Dawn ix-xogħlijiet se jsiru wara li s-sena l-oħra tlesta ċ-Ċentru tal-konservazzjoni tal-Ilma ftit passi ’l bogħod – proġett li sar bħala parti mir-riġenerazzjoni tan-Nigret.
Żona li għal ħafna snin tħalliet abbandunata.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg sostna li dan qed isir anke għaliex l-aċċess bejn iż-żewġ lokalitajiet huwa xi ftit perikoluż – u f’din iż-żona saħansitra seħħew inċidenti fatali.
Is-Sindku tal-Imtarfa Daniel John Attard spjega li r-residenti u kull minn jiffrekwenta din iż-żona se jiggwadanjaw – hekk kif bħalissa tirrenja xi ftit konfużjoni tat-traffiku.
Intant waslet fl-aħħar fażi tagħha t-triq li twasslek għall-Miġra Ferħa jiġifieri l-Hill Climb tal-Imtaħleb fejn fil-Ħdud ikun hemm diversi dilettanti tal-karozzi jtellqu.
Iżda apparti mid-dilettanti tal-karozzi din it-triq ser igawdu minnha l-bdiewa tal-inħawi u l-ftit residenti ta’ hemmhekk li jagħmlu użu minn din it-triq kuljum.
Intant nbeda wkoll ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-toroq li jwasslu għax-xtajta ta’ Għar Lapsi fis-Siġġiewi, b’investiment ta’ madwar nofs miljun ewro mill-Gvern Ċentrali.
Il-Ministru Ian Borg qal li minn dan il-proġett, u minn oħrajn bħal tat-triq li twassal għal St. Peter’s Pool f’Marsaxlokk, ser igawdu mijiet jekk mhux eluf ta’ persuni li jżuru dawn l-inħawi speċjalment fix-xhur tas-sajf.