Il-Ministru Helena Dalli attendiet għas-summit dinji intiż għan-nisa fil-politika u fit-tmexxija, il-Global Summit of Women.
Fil-laqgħa tal-ministri Dr Dalli tat preżentazzjoni tal-mudell Malti tal-kura tat-tfal mingħajr ħlas għall-ġenituri kollha li jaħdmu jew jistudjaw, kif ukoll evalwazzjoni ta’ kif dan il-mudell ħadem matul l-erba’ snin li ilu fis-seħħ. Spjegat il-ħsieb wara din il-miżura, il-bidla li ġabet u l-impatt li qed ikollha fuq id-dħul u fuq ir-retenzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol.
Il-Ministru spjegat ukoll li l-politika tal-integrazzjoni tal-ġeneru hi mifruxa mal-Gvern u din il-miżura hi eżempju konkret ta’ dan.
Il-preżentazzjoni kisbet interess minn diversi ministri u uffiċjali inkarigati mill-politika favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u waqt il-laqgħat mal-Ministru Dalli talbu aktar informazzjoni dwar kif jaħdem dan il-proġett.
Matul is-summit il-Ministru kellha wkoll laqgħat ma’ diversi istituzzjonijiet Awstraljani li jaħdmu fil-qasam tal-ugwaljanza. Fost dawn kellha diskussjonijiet mal-Workplace Gender Equality Agency li jimmoniterjaw l-iżbilanċ fil-paġi bejn l-irġiel u n-nisa u li jaħdmu biex inaqqsu dan id-distakk permezz ta’ ħidma mal-kumpaniji.
Il-laqgħa kienet partikularment utli in vista mal-fatt li l-Gvern kommess li jintroduċi sistema simili ta’ monitoraġġ f’Malta biex jiżgura li n-nisa fis-suq tax-xogħol ikunu trattati ugwalment f’kollox u li l-prinċipju ta’ paga indaqs għal xogħol ta’ valur ekwivalenti jsir verament infurzabbli.
Waqt iż-żjara tagħha l-Ministru Dalli ntlaqgħet mill-Maltin li jgħixu f’New South Wales.
Ritratt: MEAE