Waqt li kien qiegħed jindirizza l-konferenza ġenerali tal-lum, id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne tkellem fuq it-tifsira differeni tal-ugwaljanza li għandhom il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista.
Chris Fearne qal li għall-Partit Nazzjonalista “ugwaljanza” tfisser biss li kulħadd ikun l-istess, filwaqt għal Partit Laburista, ugwaljanza tfisser tgħin l-aktar lil min l-aktar għandu bżonn biex imbagħad kulħadd ikollu l-istess opportunitajiet.
Chris Fearne spjega dak li huma l-prinċipji tal-Partit Laburista.
“40 sena ilu fil-Partit Laburista sibt dari. Minn dak iż-żmien il-prinċipji ta’ dan il-Partit baqgħu l-istess, il-prinċipju li jagħmel is-sewwa u l-ħaqq ma min l-aktar għandu bżonn,” qal id-Deputat Mexxej.
Huwa qal li s-suċċess ta’ partit politiku ma jitkejjilx biss b’kemm tirbaħ elezzjonijiet, iżda b’kif tiggverna bejn rebħa u oħra. F’dawn l-aħħar ħames snin bit-tmexxija ta’ Joseph Muscat sibna l-formula rebbieħa tas-suċċess.
“Flimkien għamilna ħafna progress. Illum erġajna ninsabu wiċċ imb’wiċċ mal-istorja,” qal id-Deputat Prim Ministru.
Huwa rrefera għal-liġi tal-IVF li qed tkun diskussa bħalissa fil-Parlament. Chris Ferane żied jgħid li l-Partit Laburista jrid ibidel il-liġi biex ngħinu lil min l-aktar għandu bżonn.
“Il-PN qed jgħidulna ħallu kollox kif inhu, iżda aħna qed ngħidulhom le tinsab ġo fina li ngħinu,” qal id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
Huwa qal li prinċipju ieħor sagrosant tal-Partit Laburista u li wkoll jorbot mal-emendi mressqa għall-liġi tal-IVF hu li għandna servizzi tas-saħħa b’xejn għal kulħadd u min l-aktar li għandu bżonn, l-aktar li rridu ngħinuh. Għandna imbaghad il-prinċipju favur il-ħajja. Bil-ligi gdida li se ndaħlu se jkollna aktar embrijuni li jaslu għal tqala.
“40 sena ilu sirt parti minn dan il-partit – matul dawn is-snin ġraw ħafna affarijiet, iżda il-prinċipji għadhom l-istess. Għandna l-istess sens li rridu nagħmlu dak li hu tajjeb, l-istess viżjoni li rridu lil kulħadd jgħix kuntent u l-aqwa li jista’,” qal Fearne.
“Dak li bdejna rridu nkompluh b’rebħa wara rebħa biex flimkien b’partit serju, partit magħqud nibnu Malta ta’ għada,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.