Kważi 700 download tal-mobile app għas-servizzi governattivi f’ġimgħa – One News

Kważi 700 download tal-mobile app għas-servizzi governattivi f’ġimgħa

Rispons tajjeb ħafna għall-mobile apps u s-siti elettroniċi kompatibbli mal-mobile li tnedew mis-Servizz Pubbliku

Matul il-ġimgħa li għaddiet, minn meta ġew varati aktar mobile apps għas-servizzi governattivi kif ukoll siti elettroniċi governattivi kompatibbli mal-mobile, kien hemm rispons tajjeb ħafna mill-pubbliku għalihom. Fil-fatt, matul is-sebat ijiem li għaddew, kien hemm mijiet ta’ downloads tal-apps il-ġodda u mijiet ta’ hits fis-siti elettroniċi li għadhom kemm tnedew.

Il-ġimgħa li għaddiet; sena biss wara li s-Servizz Pubbliku nieda l-ewwel mobile apps għas-servizzi governattivi, miġburin taħt Maltapps—ġew varati 13-il mobile app ġdida u 20 siti elettroniċi kompatibbli mal-mobile. B’hekk, il-pubbliku issa għandu għad-dispożizzjoni tiegħu iktar minn 50 servizz minn fuq il-mobile.

Għalhekk, kompatibbli mal-viżjoni tal-amministrazzjoni pubblika li s-Servizz Pubbliku jkun aċċessibbli minn kulħadd kullimkien, l-mServices ikopru minn reklutaġġ fis-Servizz Pubbliku għal servizzi komprensivi fuq Business 1st, ċeritifkati tal-kondotta, l-Esplora, benefiċċji soċjali, edukazzjoni, fondi, donazzjonijiet ta’ organi, u ferm iktar minn hekk.

Tul din l-aħħar ġimgħa, kien hemm kważi 700 persuna li niżżlu l-mobile apps il-ġodda fuq il-mobile tagħhom. L-aktar apps popolari kienu myGozo, b’270 download, u l-apptaċ-ċertifikat tal-kondotta, b’194 download.

Fl-istess waqt, kien hemm ’il fuq minn 1,000 persuna li żaru s-siti elettroniċi governattivi kompatibbli mal-mobile. L-aktar żewġ siti li kellhom hits kienu s-sit fejn wieħed jista’ jikkalkula l-benefiċċji li hu intitolat għalihom u s-sit dwar id-donazzjoni ta’ organi. Iż-żewġ siti kellhom mal-400 hit kull wieħed.

Dan jikkumplimenta l-istatistika miksuba għall-2017, li turi li matul din is-sena kien hemm aktar minn 65,000 download tal-ewwel sett ta’ mobile apps għas-servizzi governattivi.

Is-servizzi governattivi fuq il-mobile huma kumplimentati minn servizzi online u servizzi wiċċ imb’wiċċ. Is-servizzi online huma miġburin fis-sit elettroniku www.servizz.gov.mt, fejn wieħed isib mat-800 servizz governattiv u l-formoli relatati. Dan sis-sit ikollu medja ta’ 80,000 hit kull xahar. Is-servizzi wiċċ imb’wiċċ jingħataw fil-ħames ċentri ta’ servizz.gov fil-Qawra, Raħal Ġdid, Birkirkara, Ħal Qormi u l-Birgu. Kull xahar ikun hemm medja ta’ 3500 persuna li jżuru dawn iċ-ċentri. Il-klijenti huma moqdijin ukoll bil-freephone 153, fejn jidħlu medja ta’ 29,000 telefonata kull xahar, u bl-email [email protected], li jirċievi medja ta’ 1,300 korrispondenza kull xahar.

Bħalissa għaddej proċess fejn il-formoli governattivi li jinsabu online f’format PDF jinqalbu għal format elettroniku, magħruf bħala eform. Dan il-proċess, li se jolqot ’il fuq minn 600 formola, huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend