Filmat miġbud permezz ta’ kamera CCTV intuża biex ġie arrestat raġel li kien imfittex fuq tbagħbis ta’ ATM.
Stoyan Gerginov Oryashkov ta’ 32 sena u li hu ta’ nazzjonalità Bulgara, kien arrestat mill-pulizija wara operazzjoni li oriġinat minn informazzjoni li twaħħal apparat suspettuż ma’ tliet ATMs f’Paceville bl-iskop li jinsterqu d-dettalji tal-kards ta’ klijenti tal-bank.
Minn osservazzjoni bir-reqqa tal-filmati tas-CCTV mit-tliet ATMS wassal lil pulizija biex jibnu profil ta’ wiċċ is-suspettat. Eventwalment ir-raġel instab fuq waqfa tal-karozzi tal-linja, fejn allegatament kien qed jistenna tal-linja għall-ajruport biex jaħrab minn Malta.
Bl-għajnuna ta’ nterpretu, r-raġel ammetta fil-Qorti numru ta’ akkużi, fosthom li kkonfoffa biex iwettaq frodi, li bagħbas sistema kompjuteriżżata u li ġab id-data b’mod illegali.
Qabel ma’ ta s-sentenza, il-maġistrat Joe Mifsud qal li l-Maltin għandhom qalb kbira u li jilqgħu lil kulħadd, biss barranin li jiġu Malta għandhom jifhmu li jridu jobdu l-liġijiet ta’ Malta, b’mod partikolari liġijiet kriminali.
Fid-dawl li r-raġel wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu fi stadju bikri, l-Qorti tagħat sentenza ta’ sentejn priġunerija effettiva, waqt li nnutat kif reat bħal dan iġorr piena massima ta’ ħames snin ħabs. L-ispettur tal-Pulizija Matthew Vella mexxa l-prosekuzzjoni filwaqt li l-avukat tal-għajnuna legali Victor Bugeja deher għall-akkużat.