Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, Carmelo Abela, qal li r-Riżoluzzjoni Nru 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Komunikat ta’ Ġinevra tal-2012, diġà jgħidu x’għandha tagħmel il-komunità internazzjonali sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli u paċifika għall-kunflitt tas-Sirja. Li l-komunità internazzjonali trid tagħmel issa huwa li mill-kliem tgħaddi għall-azzjoni. Huwa kien qed jagħmel Dikjarazzjoni f’isem Malta waqt it-Tieni Konferenza ta’ Brussell dwar ‘Appoġġ għall-Futur tas-Sirja u r-Reġjun’, li ġiet organizzata mill-Unjoni Ewropea u min-Nazzjonijiet Magħquda fl-24 u l-25 ta’ April 2018.
Il-konferenza, li laqqgħet flimkien aktar minn 85 delegazzjoni minn madwar id-dinja, inklużi l-atturi reġjonali, iffukat fuq l-appoġġ umanitarju u l-għoti ta’ spinta lill-proċess politiku tal-paċi xprunat min-NM f’Ġinevra.
“Diġà qegħdin tard biex insibu soluzzjoni paċifika għas-Sirja. Il-komunità internazzjonali għadha qed tissielet mat-traġedja fis-Sirja meta ilna sitt snin bi pjan direzzjonali għall-paċi f’idejna,” irrimarka l-Ministru. “Nistgħu naslu għal soluzzjoni sostenibbli għall-kunflitt tas-Sirja biss permezz ta’ proċess politiku awtentiku u inklużiv.”
Filwaqt li ħeġġeġ biex ma jkunx hemm aktar eskalazzjoni tal-vjolenza, huwa qal li pass sinifikattiv ‘il quddiem ikun it-twettiq ta’ waqfien mill-ġlied kredibbli madwar is-Sirja kollha. It-tliet garanti tal-Proċess ta’ Astana, jiġifieri r-Russja, l-Iran, u t-Turkija, iridu jsostnu l-irwol sinifikanti u influwenti tagħhom biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u l-konfrontazzjonijiet, billi jappellaw għal de-eskalazzjoni durabbli u sinifikattiva fis-Sirja.
L-ikbar vittmi tal-kunflitt Sirjan huma bla dubju n-nies tas-Sirja, qal il-Ministru Abela. Mijiet ta’ eluf ta’ nies qed jgħixu f’kundizzjonijiet iddisprati, esposti għal vjolenza ma taqta’ xejn. Huwa stmat li, minn Marzu tal-2011 ‘l hawn, tilfu ħajjithom mill-inqas 400,000 ruħ, 6.6 miljun ġew spustati għal inħawi oħra fil-pajjiż stess, u 5.6 miljun ruħ ħarbu mill-pajjiż. Aktar minn 13-il miljun ruħ għandhom bżonn urġenti ta’ għajnuna umanitarja, inklużi kważi nofs miljun ruħ li huma maqbudin fi nħawi assedjati.
F’dan il-kuntest, Malta qed twiegħed is-somma ta’ €200,000 mifruxin fuq l-2018 u l-2019 bħala l-kontribuzzjoni tagħha għall-Pjan ta’ Risposta ta’ Assistenza Umanitarja fis-Sirja 2018.
Fil-marġini tal-konferenza, il-Ministru Abela kellu laqgħat bilaterali separati mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Qatar, Sheikh Mohammed bin Abdulrahman Al-Thani; u mad-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Kuwajt, Khaled Al-Jarallah.