Bil-Filmati: Wirja dwar Agatha Barbara fil-Palazz ta’ San Anton – One News

Notifiki

Bil-Filmati: Wirja dwar Agatha Barbara fil-Palazz ta’ San Anton

L-ewwel mara membru parlamentari, l-ewwel mara ministru, u l-ewwel mara president – dan hu l-legat ta’ Agatha Barbara  qalet il-President Marie-Louise Coleiro Preca

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Agatha Barbara kienet u tibqa’ mudell ta’ attiviżmu min-naħa tan-nisa, fejn tul il-karriera tagħha okkupat diversi rwoli li, għall-ewwel darba, kienu okkupati minn mara.

Agatha Barbara kienet l-ewwel mara membru parlamentari, l-ewwel mara ministru u l-ewwel mara president. Kienet ukoll l-ewwel u l-unika mara li sfat priġunier politiku f’pajjiżna meta ġiet ikkundannata għal tlieta u erbgħin jum “b’xogħol iebes”.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet dan waqt l-inawgurazzjoni ta’ wirja dwar it-tielet President ta’ Malta Agatha Barbara, li qed tittella’ fil-Palazz ta’ San Anton. Il-wirja tfakkar is-sittin sena minn meta Agatha Barbara ġiet arrestata u mixħuta l-ħabs waqt l-istrike ġenerali tat-28 ta’April 1958.

Il-President Coleiro Preca fakkret li, bħala Ministru ta’ Edukazzjoni fl-1955, Agatha Barbara introduċiet l-edukazzjoni obbligatorja sal-14-il sena, waqqfet il-kulleġġ ta’ taħriġ għall-għalliema, kif ukoll skejjel speċjali għal persuni b’diżabbiltà, l-iskola sekondarja b’xejn, u lezzjonijiet tax-xjenza, kemm għall-bniet kif ukoll għas-subien.

Meta Agatha Barbara reġgħet ġiet maħtura mill-ġdid Ministru tal-Edukazzjoni, fl-1971, estendiet l-edukazzjoni obbligatorja minn 14-il sena sa 16 –il sena, ġew stabbiliti skejjel tekniċi, u tneħħew il-miżati tal-università.

Fl-1974, bħala Ministru tax-Xogħol u Kultura, Agatha Barbara ħadmet biex tnaqqas il-qgħad u ttejjeb il-paga u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, u r-relazzjonijiet industrijali.

Agatha Barbara introduċiet liġi dwar paga ndaqs għan-nisa u l-irġiel, il-leave għall-maternità mħallas, ġimgħa tax-xogħol ta’ 40 siegħa, u l-penzjoni tal-irtirar u tal-qgħad. Il-President Coleiro Preca qalet li kienet Agatha Barbara li stabbiliet numru ta’ mużewijiet nazzjonali, kif ukoll it-twaqqif tal-ewwel Skola tal-Mużika.

Sadanittant, fil-wirja, hemm esebita l-libsa oriġinali milbusa minn Agatha Barbara għar-ritratt uffiċjali bħala President ta’ Malta, meħud fil-15 ta’ Frar 1982, kif ukoll kappell, ingwanti u kartiera tagħha. Hemm ukoll typewriter li kienet tuża hi u l-abbozz li fuqu sar il-bust tagħha.

Ta’ interess partikolari hemm ukoll esebit dokument li kkonservat Agatha Barbara stess. Dan huwa propju it-taħrika tal-kawża ta’ meta l-Pulizija Eżekuttiva kienu ħarrku lis-Sinjura Barbara fi żmien l-isrtike ġenerali. Fuq il-wara ta’ dan id-dokument, bil-kalgrafijja tagħha stess, Agatha Barbara kienet kitbet dettalji bħal min kien arrestaha, lil min kienu arrestaw magħha, u informazzjoni dettaljata oħra.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend