“Malta ta’ Għada’ mhijiex biss it-tema tal-konferenza tal-lum iżda hija l-prinċipju li jmexxina ‘l quddiem fil-ħidma tagħna għall-poplu Malti u Għawdxi li tant qiegħed għal qalbna.”
Sostna dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Chris Cardona, meta kien qed jagħlaq sessjoni plenarja tal-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista.
Cardona rrefera għall-vot fil-parlament illejla u kif il-Partit Laburista kien magħqud dwar il-liġi tal-vjolenza domestika u fuq in-naħa l-oħra kien hemm il-Kap jivvota kontra u l-eks kap jivvota favur. “Kif jistgħu dawn in-nies li mhux kapaċi jmexxu l-partit tagħhom imexxu l-pajjiż bl-għaqal li jmexxi l-Prim Ministru,” qal Cardona.
Fid-diskors tiegħu rrefera għall-kampanji negattivi tal-Partit Nazzjonalista u kif quddiem l-attakki se tissaħħaħ il-ħidma għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Hawn tkellem dwar kif politiku, fix-xogħol tiegħu, l-ewwel għandu dejjm jaħdem għall-pajjiż fejn l-interessi personali tiegħu u dawk tal-partit għandhom dejjem jiġu wara. Iżda, il-Partit Nazzjonalista din ma jifimhix.
“Meta għandek Gvern b’rekord ta’ surplus, bl-għola rata ta’ impjiegi li qatt kellna fl-istorja ta’ dan il-pajjiż, b’ekonomija b’saħħitha li qed tikser kull aspettativa u li qed tingħata ċertifikat wara l-ieħor mill-credit rating agencies barranin xorta għandek l-Oppożizzjoni Nazzjonalista li qed jpoġġu l-interessi personali u tal-partit tagħħhom qabel dawk tal-pajjiż. Fil-kilba tagħħom għall-poter, in-Nazzjonalisti qed jikkawżaw ħsara rreparabli għar-reputazzjoni ta’ Malta,” qal Cardona li l-appell tiegħu għan-nies preżenti fis-sala kien biex iktar ma jiżdiedu l-attakki iktar jibqgħu magħqudin “biex flimkien naħdmu sabiex lill-pajjiżna ntuh dak li jixraqlu.”
Tkellem kif fil-konfront ta’ dawn l-attakki rridu niffukaw fuq il-prijoritajiet tal-pajjiż.
“Ejja niftakru għalfejn qegħdin fil-Gvern. Qegħdin fil-Gvern biex il-ħaddiem intuh id-dinjita, biex nagħtu d-dinjita lill-pensjonant, biex innaqqsu l-faqar, biex insaħħu l-ekonomija, biex noħolqu l-impjiegi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna u nkomplu naħdmu favur l-ugwaljanza. Għaldaqstant, l-isfida tagħna hija mhux biss li nkomplu nikkonsolidaw dak li sar iżda nżidu l-valur politiku b’mod li jidher u jinħass,” qal Cardona.
Fil-bidu tas-sessjoni plenarja s-Segretarja tal-Eżekuttiv, Lydia Abela, preżentat il-mozzjoni bit-tema Malta ta’ Għada, filwaqt li tkellmet dwar dak li ġara fil-parlament meta l-Partit Nazzjonalista kien maqsum fuq vot tal-vjolenza domestika. Avveniment fejn Delia vvota kontra din il-liġi importanti għal nisa vulnerabbli.
Filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph De Battista, preżenta r-rapport finanzjarju tal-Partit Laburista. Fejn bl-iktar mod trasparenti ngħata rendikont tad-dħul u l-ħruġ tal-Partit Laburista.