Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli kienet mistiedna mill-Maltese Community Council of NSW sabiex tiltaqa’ mal-membri tal-komunità Maltija u tisma’ l-viżjoni tagħhom dwar x’jista’ jitjieb għalihom bħala Maltin ta’ barra u kif huma wkoll jistgħu jagħtu sehemhom fl-iżvilupp tan-nazzjon Malti. Hekk kompla jissaħħaħ l-interface ma din il-komunità.
Il-ministru enfasizzat l-importanza tal-komunikazzjoni maċ-ċittadini Maltin barra l-pajjiż, il-bżonn li dawn ikunu aġġornati fuq dak li qed jiġri f’Malta, u li huma jieħdu sehem f’dak li jinteressahom. Hija tkellmet ukoll fuq id-diskussjoni dwar ir-riforma elettorali fil-kostituzzjoni fejn jidħol is-suġġett tal-proċess biex dawk li għandhom id-dritt għall-vot ikunu jistgħu jivvutaw mingħajr ma jiġu obbligati jmorru Malta. Hija tkellmet ukoll dwar il-bżonn ta’ aktar koerenza bejn il-komunitajiet Maltin.
Il-Ministru Helena Dalli semmiet li m’għandniex naqtgħu qalbna miż-żgħażagħ li ma jinteressahomx mill-għeruq tagħhom, imma li għandna nkunu aktar kreattivi fil-mod li bih inxettlu fihom l-interess fil-wirt Malti tagħhom, mhux l-anqas permezz tal-media soċjali u għodod oħra.
Min-naħa tagħhom il-membri tal-komunità tal-Maltin esprimiet ix-xewqa li l-istorja tal-migrazzjoni minn Malta lejn l-Awstralja u pajjiżi oħra tkun parti mill-kurrikulu minimu nazzjonali. Huma jixtiequ wkoll li din l-istorja tkun dokumentata u magħrufa mill-Maltin li jgħixu f’Malta, inkluż ukoll il-kontribut li huma taw lil Malta fl-iżvilupp ekonomiku tagħha permezz tal-flus li kienu jibgħatu lejn Malta.
Il-komunità żiedet li tixtieq li l-Malti jibqa’mitkellem fl-Awstralja b’mod tajjeb u li allura jkun mgħallem fl-iskejjel b’kooperazzjoni ma’ Malta.
Il-ministru kienet ippreżentata bil-ktieb Three ANZACS from Malta miktub minn Gioconda S. Schembri, riċerkatriċi fuq il-migrazzjoni Maltija għall-Awstralja. Dan il-ktieb joħrog id-dimensjoni umana tal-istorja.
Illum, nhar il-25 ta’ April—ANZAC Day—il-Ministru Dalli indirizzat lill-komunità tal-Maltin li pparteċipaw waqt l-ANZAC Parade u wara mxiet magħhom b’sens ta’ rispett lejn dawk li tilfu ħajjithom għal-libertà li ngawdu aħna lkoll.