Malta bl-akbar surplus fl-Unjoni Ewropea mill-2008 ‘l hawn – One News

Notifiki

Malta bl-akbar surplus fl-Unjoni Ewropea mill-2008 ‘l hawn

Fl-2017, Malta rreġistrat surplus ta’ 3.9% tal-ġid nazzjonali. Dan kien l-ikbar surplus madwar l-Unjoni Ewropea, bit-tieni l-ikbar surplus ikun 1.8% f’Ċipru.

Apparti li din hija l-ewwel darba li gvern Malti kellu l-aħjar riżultat finanzjarju minn fost il-gvernijiet kollha fl-Ewropa, iċ-ċifri tal-Eurostat juru li s-sena li għaddiet pajjiżna rreġistra l-ogħla surplus osservat fl-Unjoni Ewropea f’għaxar snin.

Fl-2009, l-ebda gvern Ewropew ma kien għamel surplus, u fil-fatt kienet l-Isvezja li kellha l-inqas deficit, 0.7% tal-ġid nazzjonali; fl-2010 u l-2011, kien il-Gvern tal-Estonja li kellu l-ogħla surplus (0.2% u 1.2% rispettivament); bejn l-2012 u l-2016 kienet il-Lussemburgu bl-ogħla surplus (0.3% fl-2012, 1% fl-2013, 1.3% fl-2014, 1.4% fl-2015 u 1.6% fl-2016).

Wieħed irid imur lura għall-2008 biex isib pajjiż Ewropew li kiseb surplus ogħla minn dak li kisbet Malta s-sena li għaddiet. Fil-fatt, fl-2008, il-gvern tal-Finlandja kien kiseb surplus ta’ 4.2%, marġinalment ogħla minn dak li kisbet Malta fl-2017.

Il-Eurostat juri wkoll li s-surplus ta’ Malta żdied minn 3.2% fl-ewwel kwart tal-2017, għal 3.4% fit-tieni kwart, għal 4.3% fit-tielet kwart, u għal 4.5% fl-aħħar kwart tas-sena, li jfisser li l-qagħda finanzjarja tal-gvern Malti tjiebet f’kull kwart, anke fit-tieni kwart meta seħħet l-elezzjoni ġenerali. B’kuntrast, fl-2012, id-deficit tal-Gvern kien żdied minn 2.9% fl-ewwel kwart tas-sena għal 3.9% fl-aħħar kwart ta’ dik is-sena.

L-istatistika turi li, meta mqabbel ma’ sena qabel, fl-2017 Malta kellha t-tieni l-ogħla tnaqqis fid-dejn madwar l-Unjoni Ewropea, b’5.4% tal-ġid nazzjonali.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend