Il-Pulizija Awstraljana faħħru l-ġest ta’ kelb wara li baqa’ maġenb tifla ta’ tliet snin li qattgħet lejl mitlufa f’bosk.
It-tifla, Aurora, kienet qed tiġi mfittxija minn tim ta’ salvataġġ wara li ntilfet meta ħarġet mid-dar fi Queensland.
Hi ġiet segwita mill-kelb tal-familja Max, li għandu 17-il sena, li kważi tilef is-smigħ u kif ukoll ma jarax.
Il-kelb baqa’ maġenb it-tifla għal madwar 16-il siegħa sakemm ġew misjuba minn qraba li kienu għaddejjin bit-tfittxija s-Sibt filgħodu.
It-tifla nstabet tistaħba flimkien mal-kelb taħt ġebla, hekk kif matul il-lejl it-temp kesaħ.