- Esperti jgħidu li minn sitt embrijuni qabel il-liġi qed insalvaw tnejn
Charlene Farrugia, mara li kienet fil-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa, kitbet fuq Facebook li jekk hemm xi ħaġa li ma jiflaħx għalija l-embrijun hu “l-ilsien ħażin ta’ ħafna minnkom.” Dan b’reazzjoni għall-kummenti insensittivi ta’ wħud waqt il-programm Xarabank li kien dwar il-bidliet fil-liġi tal-IVF u l-ħtieġa li ngħinu iktar persuni jsiru ġenituri.
Il-programm wera l-bżonn ta’ diversi familji bil-problema tal-infertilità u kienu urtati bin-nuqqas ta’ sensittività ta’ wħud. “Ilbieraħ ma kienet faċli xejn. Xtaqt nitkellem aħjar però ċ-ċirkostanzi u l-kummenti ta’ nies li anqas biss joħolmu minn xiex nies bħali għaddejjin kienu veru kefrin. In-negattività kollha u l-kummenti iebsa li bdew jgħaddu qabbduni tferfir kbir li xtaqt naqbad u nitlaq ’il barra jew ma nitkellem xejn,” qalet Farrugia li żiedet li baqgħet hemm biex tagħti kuraġġ lil dawk li kienu hemm jippruvaw jaqsmu l-esperjenza tagħhom.Innotat diversi kummenti. Fosthom: “Kien hemm min qalilna għalfejn ma tikkundisrax adozzjoni mill-ewwel. Taħseb li kieku int għandek problema u hemm mezzi li jkollok tiegħek ma tiċċansjax? Ma tippruvax?”
Bħalma spjegaw esperti qabilha, Charlene Farrugia tkellmet dwar kif min jaħseb li se jkun hemm ħafna embrijuni friżati sejjer żball. “Ikolli xorti jekk minn dawn iż-żewġ / ħames embrijuni nwassal għal tarbija waħda.”
L-iffriżar tal-embrijuni diġà hu fil-liġi Maltija u Mater Dei kien hemm ħames embrijuni ffriżati minħabba ċirkustanzi straordinarji. B’Charlene Farrugia tgħid: “Embrijuni huma ċelloli tondi ħajjin li għandhom potenzjal jissarrfu fi trabi. Jekk huma b’saħħithom biżżejjed iva dawk jifilħu għall-iffriżar. Naħseb jifilħu iktar għall-iffriżar milli għall-ilsien ħażin ta’ ħafna minnkom,” temmet tgħid Farrugia f’messaġġ li ġibed is-simpatija ta’ ħafna.
Intant, l-espert u xjentist, Paul Sultana, qal fil-programm Għandi Xi Ngħid li qabel saret il-liġi tal-2012 kien hemm rata ta’ suċċess ta’ madwar 60% iżda b’din il-liġi r-rata ta’ suċċess niżlet għal 21%. Dan f’xhieda għaliex hemm bżonn li jinbidlu l-liġijiet biex iktar persuni jingħataw ċans li jagħtu ħajja ġdida u jrabbu l-ulied f’imħabba u għożża.