Bid-dikjarazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jekk ikun fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista, idawwar lura l-liġi tal-IVF għal waħda rigressiva u diskriminatorja, qed juri kemm hu insettiv għal familja minn kull sitta li għandhom problemi ta’ infertilità. Qal dan fi stqarrija l-Partit Laburista. Il-PL qal li jidher ċar li meta qal li kien ser jagħti free vote lill-Grupp Parlamentari tiegħu fuq din il-liġi, kien qed jgħid hekk għall-konvenjenza politika, ġaladarba issa ddikjara li jekk xi darba jkun fil-Gvern ser ireġġa’ lura b’mod immedjat l-avvanzi li ser isiru fuq din il-liġi. Ghalhekk għandu jkollu l-kuraġġ li jsejjaħ għal vot kontra mill-Oppożizzjoni kollha.
Spjega li dan kollu juri li b’Adrian Delia bħala Kap tal-PN l-unika bidliet li jista’ jkun hawn f’pajjiżna huma bidliet konservattivi u rigressivi, mhux biss fuq l-IVF. Iżda, jipperikola bidliet progressivi oħra li ddahhlu f’ pajjizna taħt Gvern immexxi minn Joseph Muscat.
Temm jgħid li bid-dikjarazzjoni ta’ llum Adrian Delia jrid ineħħi kull tama ta’ futur li qed jaraw koppji li jbatu min infertilità . B’differenza dan il-Gvern ser jibqa’ joffri din it-tama.