Ix-xewqa ta' tarbija | One News

Notifiki

Ix-xewqa ta’ tarbija

Huwa l-akbar istint li għandu l-bniedem, li minnu jitwieldu l-ulied. Hekk hija n-natura wara kollox. Jekk inħarsu lejn il-ħolqien nibqgħu mistagħġbin bil-qawwa ta’ din il-forza fina. Is-sess u l-pjaċir tiegħu huwa tentazzjoni mhux għall-pjaċir, imma ħalli jiġu l-ulied. L-agħar in-naħal. Ir-reġina togħla dejjem aktar fl-għoli, u l-irġiel jiġru warajha, u jmur bla nifs. Wieħed jasal, ikollu x’jaqsam magħha, u mbagħad imut ukoll.

Ix-xenqa tal-bniedem li jwelled hija l-ħajja stess. Meta ma jkunux ġejjin, minkejja li mixtieqa, il-moħħ jhewden u titnissel id-dieqa.

Niftakar meta kont ili xi sentejn miżżewweġ, u minkejja li xtaqna, ma kien hemm l-ebda dawl. Inzertajt il-Ħadd wara nofsinhar, u qrajt il-dramm ta’ Francis Ebejer, “Ħdud fuq il-Bejt”, li kien fuq id-dieqa li tisma’ t-tfal jilgħabu u inti tfal m’għandekx. Moħħi ried jisplodi.Morna btala u ħadt ukoll lil ommi miegħi. Morna Pariġi. Dakinhar dħalna f’kafe fi Triq Rue Des Capuccines, jiġifieri Triq il-Kapuċċini, u Rose Marie ma ħassithiex sewwa. Ommi mal-ewwel ħarset lejha u qaltilha “Rose, inti tqila !”  Ġejna Malta, u għamilna t-test u veru hekk kien u ġiet Antonella! U din kienet il-mimmi t’għajnejn ommi, għalkemm jien dejjem nemmen li l-ulied u ulied l-ulied kollha ndaqs.

Għadda ftit taż-żmien u  morna btala din id-darba l-Awstrija. U ftit wara ġejt lura u sibt li Rose Marie kienet tqila ! Dak iż-żmien konna nistennew sakemm titwieled it-tarbija, tifel jew tifla. Meta qorob iż-żmien xtaqt li jitwieled fil-birthday tieghi u hekk kien. Ġie Stephan, u msemmi għat-titular tal-kattidral ta’ Vjenna.

Kont niċċajta u ngħid li minħabba t-taħbit stajt nagħmel tarbija meta nkun holiday. Imma nemmen li kultant anke l-moħħ jidhol fin-nofs. Professjonalment naf b’żewġ każi ta’ nisa li lesti jaddottaw, u mexjin u joħorġu tqal. U mhu qed ngħid xejn ħażin kontra tiegħu, hekk tidher ukoll l-istorja ta’ Dr Chris Said.

Imma naf ukoll b’nisa li riedu joħorġu tqal x’għamlu u m’għamlux ! Kien hemm min kisser iż-żwieġ u dabbar rasu. Imma kien hemm min kellu aktar moħħ fin u ma ried ikisser xejn. L-aktar każ li kien laqgħatni kien ta’ mara li waqqgħet lil hu żewġha li jagħmlilha tarbija. Kellha garanzija tax-xebħ u tad-demm tal-familja, u t-tarbija għaddiet li hu tar-ragel. And they lived happily ever after.

Mhux faċli li taqbad u tikkundanna, u tgħid x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Trid tpoġġi lilek innifsek fid-disperazzjoni ta’ dak li jkun. U kulħadd għandu dritt għall-ferħ fil-ħajja.

Fuq kollox għandu dritt jgħid lilu nnifsu :”għal dan qed ngħix u nitħabat jien!”

Il-Bibbja mimlija bi ġrajjiet bħal dawn. U dejjem kien hemm il-ħniena.

Ta’ QabelLi Jmiss
Gradwat tal-Universita` ta’ Malta fil-ligi fl-1970 meta beda jaħdem ta’ avukat. Gradwat ukoll fil-Letteratura Ingliża, Latin u Filosofija mill-Universita` ta’ Londra. Aktar tard gradwat fl-Ekonomija mill-Universita ta’ Londra. Tela’ l-ewwel darba fil-Parlament 1971, u l-aħħar darba fis-sena 2003. Huwa serva ta' Ministru bejn l-1979 u 1981. Okkupa l-kariga ta' Deputy Leader tliet darbiet, meta kien hemm fit-tmexxija Duminu Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici u Alfred Sant. Għamel 17-il sena jattendi l-Kunsill tal-Ewropa, u kiteb rapport magħruf internazzjonalment bħala The Brincat Report, rapport li wassal għall-konvenzjoni internazzjonali fuq id-drittijiet tal-minoranzi. Illum jaħdem ta’ avukat.

Send this to a friend