Wara li tlesta x-xogħol ta’ tħawwil ta’ siġar indiġeni kif ukoll hekk kif wasal fl-aħħar stadju tiegħu l-proċess tat-tneħħija ta’ skart mormi illegalment fuq Kemmuna, il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera ltaqa’ mal-ħaddiema u żar ix-xogħlijiet imwettqa b’kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kif ukoll id-Direttorat tal-PARKs.
Tul dawn l-aħħar xhur, saret ħidma importanti fejn ġew identifikati żewġ siti b’medda ta’ 18-il tomna art għall-afforestazzjoni kif ukoll beda proċess ta’ tindif u riabilitazzjoni ambjentali f’numru ta siti.
Wara li ġie identifikat il-bżonn li numru ta’ siti jiġu mnaddfa, kif ukoll ġie nnutat li kien qiegħed isir rimi illegali ta’ materjal tal-kostruzzjoni, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi wettqet azzjoni ta’ infurzar fejn tneħħew diġà madwar 280 tunnellata ta’ żibel, injam, ħaxix selvaġġ, u materjal tal-kostruzzjoni—dan tal-aħħar qiegħed jitneħħa għall-ispejjeż ta’ min kien qed jagħmel dan ir-rimi b’mod abbużiv.
Il-Ministru Herrera żar ukoll is-siti fejn wara li saret riabilitazzjoni estensiva, tħawlu 3,100 siġra indiġena ta’ tmien speċi differenti. Dan il-proġett qiegħed effettivament iwettaq parti sostanzjali mill-wegħda elettorati li titħawwel siġra għal kull tarbija li titwieled.
Dan ix-xogħol sar fuq medda ta’ art ta’ madwar 18-il tomna fejn ġiet installata wkoll sistema ta’ dripirrigation sabiex dawn is-siġar jibqa’ jkollhom aċċess għat-tisqija matul is-sena kollha.
Il-Ministru Herrera, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha involuti, saħaq li din il-gżira tiġbed l-attenzjoni ta’ eluf ta’ Maltin u turisti speċjalment fis-sajf, u huwa għaldaqstant importanti li din il-gżira tibqa’ fl-istat naturali tagħha sabiex tkun tista’ titgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.