Ejjew naħdmu flimkien biex ikollna dinja fejn il-bnedmin u l-ambjent jiffjorixxu flimkien f’armonija u f’paċi. Dan mhux biss itejjeb il-wellbeing tagħna stess u dak tal-familji u l-komunitajiet tagħna, iżda jsaħħaħ l-ekosistemi importanti li jagħtu l-ħajja lil pajjiżna.
Hekk tenniet il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Premju Nazzjonali Buonamico mogħti mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex titfakkarWorld Wildlife Day.
Filwaqt li ferħet lis-Sur Edwin Lanfranco, lis-Sur Joe Sultana, u lis-Sur David Dandria għall-kontribut siewi li taw sabiex jitkattar l-għarfien Malti dwar il-bijodiversità u l-wirt ambjentali nazzjonali, tagħthom ħajr f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-President ta’ Malta esprimiet ix-xewqa li l-isforzi tagħhom iservu sabiex jassiguraw li l-wirt nazzjonali ambjentali tagħna jibqa’ fuq nett tal-aġenda ta’ pajjiżna. Dan jista’ jseħħ bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, bl-edukazzjoni ta’ uliedna, u permess tal-policies li qed jifformolaw l-awtoritajiet tagħna.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-bżonn li aħna, bħala pajjiż, nibqgħu niffukaw fuq spazji ħodor u miftuħa, joħroġ ċar mill-visti li tagħmel ta’ spiss fi skejjel u kulleġġi madwar Malta u Għawdex.
Il-President stqarret li t-tfal u ż-żgħażagħ spiss jaqsmu magħha il-passjoni tagħhom għall-ambjent naturali u l-importanza tal-obbligu li nippreservaw il-wirt naturali kemm għalihom u kemm għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif il-Fondazzjoni tagħha—Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà—kienet involuta sew f’dan ix-xogħol. Permezz ta’ din il-fondazzjoni nħolqot komunità vibranti ta’ tagħlim, imsejħa l-‘Ġnien Sigriet tal-President’, li toffri lit-tfal l-opportunità biex jitgħallmu u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom b’mod informali fl-ambjent sigur tan-natura.
Il-President qalet li permezz tan-National Hub for Ethnobotanical Research tal-fondazzjoni qed jiffukaw fuq għadd ta’ proġetti li juru l-bżonnijiet tal-bdiewa lokali, il-ħarsien taż-żerriegħa indiġena ta’ Malta, u l-kuntest kulturali tal-wirt ambjentali Malti.
Il-President kompliet tgħid li filwaqt li nistgħu nitkellmu dwar l-ambjent bħala parti mill-istorja u l-wirt tagħna, m’għandna qatt ninsew li d-dinja naturali hija essenzjali għall-futur tagħna u ta’ uliedna.
Il-President Coleiro Preca tkellmet dwar il-fatt li l-protezzjoni tad-dinja naturali tagħna hija ta’ tħassib madwar id-dinja, u tifforma parti mill-Aġenda tan-Nazzjonijiet Magħquda tal-2030 bi 17-il Għan għal Żvilupp Sostenibbli. Il-President semmiet partikolarment l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli numri 14 u 15, li jiġbdulna l-attenzjoni għall-bżonn li nipproteġu l-ħajja fuq l-art u fl-oċejani. Bħala gżira, iż-żewġ għanijiet huma essenzjali għall-futur tagħna f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekosistemi naturali tagħna u r-Reġjun Ewro-Mediterranju tagħna.
Il-President temmet tgħid li għal dan il-għan, hija temmen li rridu nagħmlu iżjed sforz, kemm fuq skala nazzjonali kif ukoll internazzjonali, sabiex innaqqsu b’mod sinifikanti d-degradazzjoni tal-bijodiversità, noħolqu ambjenti aktar b’saħħithom, u nindirizzaw l-isfidi ambjentali, inkluż il-faqar u l-prekarjat, li ta’ spiss iġiegħel lil nies jaħarbu minn djarhom u jemigraw bit-tama li jkollhom ħajja aħjar.
Il-President ħeġġet lil kulħadd biex ikun kuraġġjuż u jkompli jagħmel pressjoni lill-awtoritajiet tagħna, dawk li jfasslu l-politika, u s-soċjetà ċivili, sabiex ikunu attivisti qawwija għall-protezzjoni tal-wirt naturali ta’ pajjiżna.