ARA: Jeħtieġ policies aktar b'saħħithom sabiex nindirizzaw il-fastidju fuq il-post tax-xogħol – Miriam Dalli | One News

Notifiki

ARA: Jeħtieġ policies aktar b’saħħithom sabiex nindirizzaw il-fastidju fuq il-post tax-xogħol – Miriam Dalli

“Irridu mmorru pass oltre minn liġijiet u infurzar b’saħħtu u jkollna policies effettivi u taħriġ anke fil-post tax-xogħol biex l-impjegati jkollhom biżżejjed għarfien dwar kif jindirizzaw każijiet ta’ fastidju fuq il-post tax-xogħol. Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan waqt li ndirizzat konferenza li ġiet organizzata minnha flimkien mal-General Worker’s Union (GWU) bil-għan li tressaq flimkien policymakers, esperti u ħaddiema sabiex il-GWU tfassal policy fuq kif jista’ jiġi indirizzat il-fastidju fuq il-post tax-xogħol.

Statistika riċenti maħruġa mill-organizazzjonijiet Maltin Men Against Violence u Women Rights Foundation turi kif 90% ta’ dawk li wieġbu l-istħarriġ ma kienux jafu kif se jindirizzaw każijiet ta’ fastidju sesswali li esperjenzaw huma stess jew li raw iseħħu quddiemhom.

B’reazzjoni għal dan, Dr Dalli qalet li t-taħriġ irid ikun indirizzat mhux biss lejn min iħaddem imma lejn l-impjegati kollha. “It-taħriġ flimkien ma’ policies effettivi jsarrfu ukoll biex indaħħlu mentalità u kultura fil-post tax-xogħol li fastidju ta’ kull tip, inkluż dak online, mhux aċċettabli,” qalet Dalli.

Il-fastidju fuq il-post tax-xogħol huwa komuni ħafna tant li 80% ta’ dawk li wieġbu l-istħarrig esperjenzaw jew raw iseħħ quddiemhom fastidju sesswali.

B’mod partikulari fuq fastidju li jseħħ online, Dalli saħqet fuq l-importanza li nistabillixxu linja aktar ċara ta’ x’jikkostitiwixxi cyberharrasment fuq il-post tax-xogħol. Dan jista’ jinkludi l-uzu ta’ emails u mezzi oħra ta’ komunikazzjoni, kemm waqt il-ħin tax-xogħol kif ukoll wara l-ħin tax-xogħol.

Fuq kollox Dalli rrimarkat li l-fastidju, għalkemm aktar prevalenti fuq in-nisa, jgħaddu wkoll minnu l-irġiel.

Dalli saħqet li importanti nindirizzaw din il-kwistjoni anke minħabba l-effetti psikoloġiċi li jkollhom każijiet ta’ fastidju fuq il-ħaddiema tagħna li jħallu effett fuq il-ħajja personali, x-xogħol u anke s-saħħa tal-individwu.

Dalli ħeġġet lil dawk preżenti, b’mod speċjali shop stewards u membri tal-GWU sabiex ikunu l-vuċi ta’ dawk il-vittmi li għaddejin minn esperjenza ta’ fastidju u jħeġġuhom jersqu ‘l quddiem u jirrapurtaw każijiet ta’ fastidju minflok jibqgħu jbatu fis-silenzju.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli. Il-Ministru Dalli rreferriet għall-istrateġija nazzjonali li tindirizza l-vjolenza abbazi tal-ġeneru imħabbra lejn l-aħħar tas-sena 2017 inkluż ukoll l-abbozz ta’ liġi, fi stadju ta’ kumitat, dwar Vjolenza abbażi tal-Ġeneru li, fost l-ohrajn, se jkunu qegħdin iżidu l-protezzjoni lill-vittma anke f’każijiet ta’ fastidju.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja saħaq kif il-GWU taħdem b’mod konsistenti sabiex jiġi miġġieled il-fastidju fuq il-post tax-xogħol. Huwa spjega li l-policy mfassla se tkun implimentata f’diversi ftehim kollettiv li tinnegozja it-trejdunjin filwaqt li se jsir taħriġ sabiex jassiguraw li l-policy tkun effettiva.

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend