Aktar servizzi governattivi aċċessibbli minn kullimkien – One News

Notifiki

Aktar servizzi governattivi aċċessibbli minn kullimkien

Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, permezz tal-ħames ċentri reġjonali tiegħu,  u l-Freephone 153.

Kulma jmur it-teknoloġija qed tkompli tbiddel id-dinja li qed ngħixu fiha. Qed tibdel il-mod kif nikkomunikaw, kif nixtru l-prodotti li niġu bżonn. Id-dinja daħlet f’era diġitali, li bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha, wieħed ma jistax jinjoraha. U fil-ħajja mgħaġġla tal-lum, it-teknoloġija toffri ċerta kumdità.

Is-Servizz Pubbliku f’pajjiżna għamel qabża kbira ‘l quddiem f’dan il-qasam. Mis-sena li għaddiet beda jattwa l-iStrateġija għal Servizzi tal-Gvern fuq il-Mowbajl, bl-introduzzjoni ta’ 21 mobile app ġdida. U l-ġimgħa li għaddiet ġew varati 13-il mobile app oħra. B’hekk issa, il-pubbliku jista’ jaċċessa s-servizzi governattivi minn total ta’ 34 mobile app u 20 sit elettroniku kompatibbbli mal-mobile.

Iċ-ċittadin għandu għażla vasta minn fejn jista’ jaċċessa s-servizzi tal-Gvern. Għal min jippreferi servizz immedjat jista’ jagħmel użu minn dawn il-mobile apps, hemm ukoll is-sit elettroniku servizz.gov.mt li jista’ jaċċessa kemm minn fuq il-mobile kif ukoll mill-kompjuter mill-kumdità ta’ daru. Għal min it-teknoloġija tbeżżgħu u jippreferi servizz wiċċ imb wiċċ hemm ħames ċentri reġjonali fil-Qawra, Ħal Qormi, Birkirkara, il-Birgu u Raħal Ġdid li permezz tagħhom jista’ jinqeda mingħajr il-ħtieġa tat-teknoloġija.

Ejja nieħdu persuna li trid tiftaħ klinika tal-fiżjoterapija. F’dan il-każ, din il-persuna jkollha bżonn il-liċenzja biex tkun tista’ topera. Għal dan il-għan ġiet introdotta applikazzjoni waħda online. Il-persuna tista’ tapplika online billi żżur is-sit elettroniku ta’ servizz.gov.mt Tagħżel is-settur li taħtu jaqa’ dan is-servizz. F’dan il-każ tagħżel is-settur tas-Saħħa u Kura fil-Komunità u hemmhekk issib lista ta’ setturi oħra. L-applikazzjoni għat-tali liċenzja tista’ timtela online u tintbagħat online wkoll.

F’każ li persuna tippreferi servizz wiċċ imb wiċċ, iżżur iċ-ċentru reġjonali l-aktar viċin tagħha u hemmhekk tingħata assistenza biex timtela l-applikazzjoni.

B’hekk tiffranka l-ħin u l-iskariġġ milli toqgħod tidħol il-Belt Valletta biex tinqeda. Iva, daqshekk sempliċi.

Servizz.gov joffri wkoll servizz ta’ Freephone, bin-numru jkun 153. Il-ħinijiet ivarjaw bil-għan li kull persuna tkun tista’ tinqeda fil-ħin l-aktar konvenjenti għaliha; it-Tnejn u l-Erbgħa mit-08:00 sas-19:00 u t-Tlieta, il-Ħamis u l-Ġimgħa mit-08:00 sal-16:00.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend