Ħidmet Charles Miceli se tkompli sseħħ u tkun imfakkra f’Dar li ġġib ismu u li ġiet inawgurata fl-għoxin ta’ April.
Dar Charles Miceli se tkun immexxija mill-Caritas b’appoġġ mill-Gvern, u se toffri servizz importanti li tagħti appoġġ lil persuni wara li jtemmu l-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
Fil-ftuħ tad-dar, id-Direttur ta’ Caritas Malta, Leonid McKay, spjega kif il-fażi meta persuna toħroġ mill-programm ta’ rijabilitazzjoni lura fil-komunità, hija kritika ħafna.Din id-dar, li taħdem fuq sistema semi-residenzjali għal massimu ta’ tnax-il persuna, se tkun appoġġjata mill-Gvern, li b’nefqa ta’ madwar mitejn elf ewro fis-sena, se jħallas għall-operat tagħha.
Għaldaqstant, persuni li jkunu għamlu l-programm ta’ rijabilitazzjoni, kunu jistgħu jidħlu b’mod iktar gradwali fis-soċjetà.
Barra minn hekk f’każ li persuna ssib ruħha f’diffikultà hawnhekk issib għajnuna erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, permezz ta’ servizz online, telefoniku, u anke billi żżur din id-dar f’kull ħin tal-ġurnata jew il-lejl.
Dar li fiha se jkunu offruti wkoll sessjonijiet ta’ counselling, imma li se toffri anke hub soċjali, seminars, u iktar.
B’hekk ħidmet l-attivist soċjali Charles Miceli – li għal snin twal ħadem ma’ nies bi problemi tad-droga – tkompli tikber.
Dan f’inizjattiva li kif tixhed martu stess, tkompli fil-passi ta’ dak li kien jemmen u jaħdem għalih Charles.
L-Arċisqof Charles Scicluna, li bierek din id-dar, saħaq dwar l-importanza li ninżgħu kull tip ta’ preġudizzju, u nemmnu li kull bniedem, permezz tal-inkoraġġiment ta’ dawk ta’ madwaru, għandu tama għal ħajja aħjar.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, filwaqt li sellem il-memorja ta’ Charles Miceli, innota kif il-Gvern qed ikompli jaħdem biex itejjeb ir-riżultati soċjali, kemm fit-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll f’għajnuna għal inizjattivi bħal din.