Għadhom kif ġew fi tmiemhom sensiela ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi bħala parti mill-proċess tal-għoti tal-permessi fil-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Ġela fl-Italja.
Dawn il-konsultazzjonijiet pubbliċi bdew il-ġimgħa li għaddiet f’Malta, fl-iskola Primarja ta’ Marsaxlokk u komplew din il-ġimgħa, bi tnejn fi Sqallija u waħda f’Ruma. Dawn il-laqgħat kienu importanti mhux biss għal fini legali, iżda wkoll minħabba l-importanza tal-proġett li hu wieħed ta’ interess komuni u għaldaqstant, ta’ prijorità għall-Unjoni Ewropea. Kif kien mistenni, l-iktar laqgħa mqanqla kienet dik li saret f’Ġela fi Sqallija fejn se jkun qed jiżbokka l-pipeline tal-gass. Hemmhekk, ir-residenti qajmu diversi punti li ġew iċċarati mid-delegazzjoni Maltija, filwaqt li kien hemm kummenti oħrajn li ttieħdu nota tagħhom sabiex jiġu kkunsidrati fl-istudji li jmiss. Fil-laqgħat ġie nnutat ukoll li l-proġett mhux se jservi biss biex jipprovdi lil Malta bil-gass naturali, imma huwa wkoll mezz ta’ kif jitqarrbu żewġ ġirien u titkabbar il-kollaborazzjoni bejn Sqallija u Malta fuq livelli oħrajn.
Id-delegazzjoni Maltija, li kienet magħmula mill-Ambaxxatur ta’ Malta għallItalja Vanessa Frazier, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma Daniel Azzopardi flimkien ma’ tim tekniku mill-Aġenzija li qed timplimenta dan ilproġett, innota bi pjaċir ir-rispons pożittiv li bih intlaqa’ l-proġett tul dawn ilkonsultazzjonijiet. Hekk kif tingħalaq il-fażi tal-konsultazzjoni pubblika fl-20 ta’ Mejju, il-pass li jmiss se jkun dak li jinħarġu t-tenders għall-Environmental Impact Assesment, il-Marine Survey u l-FEED, li se jsiru minn fondi Ewropej, li assigurat l-Aġenzija iktar kmieni din is-sena. Dan bil-għan li t-tender għall-kostruzzjoni jinħareġ fl2020.