Minkejja li kienu bosta l-pajjiżi Ewropej li matul is-sena li għaddiet ddiskutew żieda fil-paga minima, kienet biss Malta li mxiet ‘il quddiem u wasslet għall-implimentazzjoni ta’ żieda fil-paga minima nazzjonali.
Dan joħroġ minn dokument ippubblikat il-Ħamis filgħodu mill-istitut ta’ riċerka Eurofound.
Ir-rapport Ewropew li stħarreġ il-paga minima sab li matul is-sena li għaddiet għadd ta’ pajjiżi kellhom diskussjonijiet dwar il-paga minima li kienu jinvolvu l-imsieħba soċjali, il-gvernijiet u l-esperti.
Ingħad li wieħed mis-suġġetti li żviluppaw fost bosta pajjiżi matul is-sena li għaddiet kienet id-differenza fil-paga minima bejn il-pajjiżi, is-setturi ekonomiċi u gruppi ta’ ħaddiema.
Jinnotaw li waqt li t-tmien pajjiżi Ewropej, irrapportaw li saru diskussjonijiet dwar is-suġġett, l-unika diskussjoni li mxiet ‘il quddiem u li wasslet għall-implimentazzjoni ta’ żieda fil-paga minima kien f’Malta fejn ingħatat żieda fil-paga lil dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-istess employer għal perjodu ta’ żmien.
While eight EU countries reported discussions on this topic, discussions have only progressed to implementation in one country – Malta – where a special minimum wage was applied for employees working at the same employer for a certain period of time.
Fil-fatt kien fl-aħħar ta’ Frar tas-sena li għaddiet li l-imsieħba soċjali, il-Gvern u l-oppożizzjoni ffirmaw il-ftehim dwar iż-żieda fil-paga minima nazzjonali li jipprovdi fost oħrajn biex sas-sena d-dieħla din tiżdied b’erba’ mija u sittax-il ewro fis-sena. Dan minbarra l-kumpens li jingħata kull sena għall-għoli tal-ħajja.
Ir-rapport ta’ riċerka jinnota wkoll li ż-żieda fil-paga minima saret wara li l-Prim Ministru Malta Joseph Muscat ħa deċiżjoni importanti li jikkuntattja lill-imsieħba soċjali bil-għan li jintlaħaq ftehim dwar żieda fil-paga minima.
Fil-fatt wara aktar minn ħamsa u għoxrin sena ffriżat, kien biss is-sena li għaddiet li ntlaħaq qbil biex il-ħaddiema fuq il-paga minima jingħataw żieda addizzjonali minbarra l-kumpens għall-għoli tal-ħajja.
Ir-rapport jinnota wkoll li l-ftehim ffirmat is-sena li għaddiet minn erbatax-il sħab soċjali jipprovid għat-twaqqif ta’ kummissjoni li kull erba’ snin se tkun qed tagħti rakkomandazzjoni lill-Prim Ministru dwar żieda fil-paga minima u l-livell tal-minimum wage.