Is-servizz ta' SkolaSajf | One News

Notifiki

Is-servizz ta’ SkolaSajf

Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tal-ħames ċentri reġjonali tiegħu, permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt u l-Freephone 153.

Is-servizz ta’ SkolaSajf

Kemm saret faċli biex il-pubbliku jaċċessa s-servizzi governattivi! Qabel it-twaqqif ta’ servizz.gov lura fl-2015, persuna li kien ikollha bżonn servizz governattiv, bħal pereżempju ċertifikat tal-mewt jew inkella trid timla’ xi formola għal xi benefiċċju, kienet l-ewwel u qabel kollox tara s-servizz taħt liema ministeru jaqa’, imbagħad tara minn fejn se takkwista n-numru tat-telefon u eventwalment timla’ l-informazzjoni mitluba biex tkun tista’ tirċievi s-servizz li għandha bżonn.

Minn tliet snin ilu ’l hawn il-mod kif jopera s-Servizz Pubbliku nbidel ferm. U dan biex iċ-ċittadin ikun jista’ jinqeda iktar malajr u b’ċertu kumdità. Tant hu hekk li llum iċ-ċittadin għandu tliet għażliet ewlenin; jew iżur is-sit elettroniku servizz.gov.mt u japplika online, jekk mhuwiex daqshekk intiż fit-teknoloġija jista’ jżur wieħed miċ-ċentri reġjonali li jinsabu f’Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Birkirkara, il-Qawra u l-Birgu jew inkella jċempel Freephone 153.

Ħa ngħidilkom bil-fatti kemm huwa faċli. Ejja nieħdu każ ta’ omm li trid tirreġistra lil binha fi SkolaSajf. Bħalma ħafna minnkom tafu, SkolaSajf huwa servizz governattiv li jagħti l-opportunita’ lit-tfal ta’ bejn it-tliet snin u s-sittax-il sena biex waqt ix-xhur tas-Sajf jattendu programm strutturat ta’ attivitajiet li permezz tiegħu jitgħallmu waqt li jieħdu pjaċir.

Kulma wieħed irid jagħmel biex japplika huwa li jżur is-sit servizz.gov.mt, jikteb SkolaSajf u japplika onlajn. Iva, daqshekk faċli!

Għal min mhuwiex daqshekk intiż fit-teknoloġija jista’ jżur wieħed miċ-ċentri jew inkella jċempel numru tat-telefon bla ħlas 153 biex jingħata assistenza.

L-applikazzjonijiet bdew jintlaqgħu mill-ġimgħa li għaddiet u jagħlqu fil-11 ta’ Mejju 2018.

Ta’ min jinnota wkoll li għal tfal li għandhom ġenituri li jaħdmu, il-ħinijiet qed jiġu estiżi għal wara n-nofsiegħa ta’ wara nofsinhar.

SkolaSajf tibda nhar it-Tnejn 16 ta’ Lulju għall-kbar u t-Tlieta 17 ta’ Lulju għat-tfal żgħar.

Ta’ QabelLi Jmiss
Melissa Vella Buhagiar hija ċ-Chief Operations Officer tal-aġenzija tal-Gvern servizz.gov li tiġbor fi ħdanha s-servizzi governattivi kollha. F’dan il-blog se tkun qed twassal informazzjoni dwar is-servizzi li joffri servizz.gov permezz tas-sit elettroniku servizz.gov.mt, il-ħames ċentri reġjonali tiegħu u l-Freephone 153.

Send this to a friend