Inawgurati l-ewwel turbini ġodda tal-kumpaniji Enemalta u Shangai Electric li se jkunu qed jiġġeneraw l-elettriku mir-riħ fil-Montenegro.
Proġett, li permezz tiegħu, il-kumpanija Enemalta wessgħet l-orizzonti tagħha, hekk kif minn kumpanija prattikament falluta, issa qiegħda tinvesti f’pajjiżi oħrajn fi proġetti sostenibbli. Permezz ta’ dan il-proġett, l-Enemalta mhux biss qalbet il-ġenerazzjoni tal-elettriku tagħha għall-gass, iżda daħlet ukoll fis-settur tal-enerġija li tiġġedded.
Dan il-proġett ifisser ukoll li permezz tiegħu, l-Enemalta se tkompli żżid il-profitti li bdiet tirreġistra fl-aħħar snin permezz tal-bidla fil-politika tal-Gvern dwar is-settur tal-enerġija.
Il-proġett qed isir fuq art li ngħatat b’konċessjoni mill-Gvern tal-Montenegro għal għoxrin sena, u l-pjan jipprovdi biex isiru tlieta u għoxrin turbina tar-riħ.
Biex jikkumplimentaw dan il-proġett, se jinbnew ukoll kważi disa’ kilometri ta’ toroq u jitħaffru mini biex jgħaddu għadd ta’ cables minn taħt l-art.
It-turbini ġew inawgurati mill-Ministru għall-Enerġija, Joe Mizzi, li waqt żjara li għamel fuq is-sit, irrimarka li filwaqt li għad fadal xogħol xi jsir, qed jaspira li fix-xhur li ġejjin il-proġett ikun intemm, u sa din is-sena stess, it-turbini jibdew jiġġeneraw l-elettriku mir-riħ.
Waqt li spezzjona x-xogħlijiet, huwa qal li l-ħidma għaddejja b’ritmu mgħaġġel u b’mod professjonali, biex jiġu assikurati l-aqwa riżultati.
Il-Ministru Mizzi żied jgħid li għal Malta, din hija opportunità unika, fejn pajjiżna qed jipparteċipa fi proġett lil hinn min xtutna, li se jkun qed joffri lill-Montenegro tariffi fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea, b’garanzija għal tnax-il sena.