L-għodwa tat-Tlieta 10 t’April ma kinitx waħda kwieta bħas-soltu fl-Imdina. Minn kmieni filgħodu gruppi ta’ studenti flimkien mal-għalliema tagħhom tal-Franċiż bdew jinġabru barra s-swar biex jiġbru d-domandi li ġew imħejjija għalihom għall-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Francofête. Dan huwa avveniment annwali fejn studenti tal-Franċiż jiġu mistiedna jieħdu sehem f’attività biex jiċċelebraw le Jour de la Francophonie l-20 ta’ Marzu, il-ġurnata dinjija meta nfakkru l-lingwa Franċiża mitkellma madwar id-dinja kollha. L-attivitajiet isiru fl-aktar jum viċin possibbli.
Wara s-suċċess tas-sena l-oħra, fejn l-istudenti ġrew mat-toroq tal-Belt Valletta, l-Uffiċċjal Edukattiv tal-Franċiż, is-Sinjura Doreen Farrugia reġgħet tat opportunità oħra lill-istudenti biex jużaw u japplikaw dak li tgħallmu fil-klassi, din id-darba fit-toroq tal-Imdina. Fil-fatt, 230 student minn 21 skola tal-Istat, tal-Knisja u Privati ħadu sehem f’verżjoni Franċiża ta’ tfittxija għat-teżor fejn kellhom ifittxu informazzjoni marbuta ma’ monumenti u binjiet storiċi fi ħdan dawn is-swar.
L-entużjażmu kien evidenti mhux biss matul l-attività imma wkoll wara, meta l-istudenti ġew ilkoll milqugħa fl-Iskola Medja tal-Kulleġġ San Nikola fir-Rabat. L-istudenti ngħataw bosta rigali fosthom kotba u ċikkulata offruti ġentilment mid-Dipartiment tal-Franċiż kif ukoll mill-Ambaxxatur Franċiż għal Malta, l-Eċċellenza tagħha Madame Beatrice le Fraper du Hellen. L-istudenti ngħataw ukoll ċertifikat iffirmat minn Mme Elisabeth du Breil de Pontbriand – Conseillère de Coopération et d’Action Culturelle.
Kien hemm atmosfera sabiħa ħafna meta l-Ambaxxatur Franċiż, kif ukoll mart il-Prim Ministru, is-Sinjura Michelle Muscat, tkellmu b’mod informali mal-istudenti. Is-Sinjura Muscat qasmet ftit mill-esperjenzi tagħha ta’ meta, t’eta’ żgħira ħafna bdiet tistudja l-Franċiż. Bħal bosta studenti ta’ dik l-età, dak iż-żmien forsi m’apprezzatx kemm fil-verità kienet qed tinvesti fil-futur tagħha meta għażlet din il-lingwa. Kien biss meta l-Prim Ministru Dr Joseph Muscat laħaq Membru tal-Parlament Ewropew li rrealizzat kemm il-lingwa Franċiża kienet issarraf verament u kemm sabitha ta’ użu fil-ħajja ġdida tagħha. Tkellmet dwar l-esperjenza tagħha fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-bosta pajjiżi fejn jitkellmu l-Franċiż.