Raġel franċiż ta’ tlieta u erbgħin sena sar l-ewwel bniedem fid-dinja li għadda min żewġ operazzjonijiet tat-trapjant tal-wiċċ.
Jerome Hamon isofri minn newrofibromatosi tip 1, kundizzjoni ġenetika li kkawżatlu diversi tumuri li sfigurawlu wiċċu. Hu kien għamel l-ewwel operazzjoni ta’ trapjant tal-wiċċ f’Lulju tal-2010. Iżda wara li kellu jieħu antibijotiċi kawża ta’ riħ, ġismu beda jirreaġixxi b’mod negattiv għat-trapjant u minħabba f’hekk il-wiċċ kellu jitneħħa f’Novembru li għadda. Kawża t’hekk Hamon spiċċa mingħajr wiċċ u qatta’ madwar xahrejn l-isptar sakemm instab donatur tal-wiċċ kompatibbli miegħu.
Eventwalment instab donatur f’Jannar li għadda wara l-mewt ta’ ġuvni ta’ 22 sena. Tliet xhur wara din l-operazzjoni Hamon stqarr li diġà jħossu komdu bl-identità l-ġdida tiegħu u li jħossu tajjeb ħafna. Irrimarka wkoll b’ton ċajtier li issa jidher għoxrin sena iżgħar.