Kim Jong-Un f'laqgħa mad-Direttur tas-CIA | One News

Notifiki

Kim Jong-Un f’laqgħa mad-Direttur tas-CIA

Il-President Amerikan Donald Trump ikkonferma li d-direttur tas-CIA, Mike Pompeo iltaqa’ mal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un.

Fi tweet tal-President Amerikan, intqal li matul din il-laqgħa ġiet stabbilita’ relazzjoni tajba. Skont uffiċjali Amerikani, din il-laqgħa kellha l-għan li tipprepara għal summit bejn Trump u Kim. Iktar kmieni Trump ta ħjiel li kien hemm taħditiet diretti mal-Korea ta’ Fuq, iżda din il-laqgħa mhux mistennija, immarkat l-ewwel laqgħa tal-ogħla livell bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq mis-sena 2000 ‘l hawn.

“Kellna taħditiet f’livell għoli ħafna,” qal Trump minn Florida, fejn bħalissa qiegħed jospita lill-Prim Ministru Ġappuniz Shinzo Abe.

Trump żied jgħid ukoll li ta l-kunsens tiegħu biex il-Korea ta’ Fuq u l-Korea t’Isfel jibdew taħditiet li għandhom iwasslu għal trattat ta’ paċi li formalment iġib fi tmiemu l-gwerra fil-peniżola Koreana. Dan wara li l-Korea t’Isfel indikat li lesta għall-resoluzzjoni formali għall-kunflitt li kien seħħ bejn l-1950 u l-1953.

Il-President tal-Korea t’Isfel Moon Jae-in u Kim mistennija jiltaqgħu l-ġimgħa d-dieħla, filwaqt li s-summit tant mistenni bejn Kim u Trump hu mifhum li se jsir fil-ġimgħat li ġejjin.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Send this to a friend