Il-laptop li kienet qed tuża l-blogger Daphne Caruana Galizia sa ftit minuti qabel mewta jinsab għand il-familjari tagħha. Dan ikkonfermatu oħtha Corinne Vella mal-ġurnal Malta Today’.
Konferma li tikkuntrasta mad-dikjarazzjoni ta’ iben il-vittma Matthew Caruana Galizia ftit tas-sigħat qabel, fejn iddikjara ‘li kieku kien jaf fejn kien qiegħed kien jaħarqu quddiem il-Pulizija’.
Minkejja t-tentattiv tal-Maġistrat Inkwirenti Anthony Vella sabiex jieħu f’idejh il-laptop, xorta waħda l-qraba għażlu li ma jgħaddux minkejja li hu meqjus bħala evidenza kruċjali ħafna biex jiġi ddeterminat il-motiv ta’ dan id-delitt u jekk hemmx l-involviment ta’ terzi persuni.
Fil-fatt oħt il-vittma qalet li żammew il-‘laptop’ għax m’għandhomx fiduċja fl-investigaturi, anke jekk il-‘laptop’ talbu l-Maġistrat Vella, li qalu li għandhom fiduċja fih.Il-kwistjoni tqajmet ukoll fl-qorti l-Erbgħa filgħodu b’wieħed mill-akkużati jressaq protest ġudizzjarju fil-Qorti biex il-Kummissarju tal-Pulizija jitlob lil Caruana Galizia tgħaddi l-laptop f’idejn il-Pulizija u biex il-familja ma’ tibqax tiddetta x’evidenza għandha tinġabar.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ tkellmu dwar in-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-familja u kif il-laptop huwa kruċjali fl-investigazzjoni.
Spjegaw li f’kull omiċidju, l-investigaturi l-ewwel li jagħmlu hu li janalizzaw l-istil ta’ ħajja tal-vittma u jiġbru kull oġġett jew dokument li jista’ b’xi mod jixħet dawl ġdid fuq l-investigazzjonijiet.
Eżempju ta’ dan seħħ fl-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop f’Birkirkara meta fi ftit sigħat, il-pulizija ppriservat l-uffiċini filwaqt li l-Maġistrat Inkwirenti ħatar esperti li analizzaw id-dokumenti waqt li ħarsu l-interessi tas-sorsi.
Dan sar wara li l-Qorti ħarġet mandat li permezz tiegħu saru diversi tfittxijiet fl-uffiċini ta’ Chircop.
L-istess sorsi qalu li l-esperti tal-qorti għandhom il-mobile ta’ Caruana Galizia li minn kopja tiegħu msejħa ‘cloning’ qed jiġu elevati għadd ta’ messaġġi biex jiġu analizzati.
Il-mobile nstab fuq ix-xena tar-reat u għalhekk għadda fil-pussess tal-inkjesta maġisterjali.
Spjegaw li ġaladarba l-‘laptop’ jgħaddi f’idejn l-inkjesta jsir l-istess proċess biex il-famlja jibqa’ jkollha l-aċċess kollu għall-informazzjoni.
Madankollu huma esprimew ix-xettiċiżmu tagħhom dwar kull analiżi li tista’ ssir fuq il-laptop għall-fatt li xi informazzjoni setgħet tħassret, inbidlet jew żdiedet.
Intant, l-Erbgħa filgħodu reġa’ sar l-aċċess fil-Bidnija bħala parti mill-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra t-tliet akkużati mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galizia.
L-aċċess beda bl-Ispettur Keith Arnaud juri ż-żona fejn splodiet il-karozza lill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Huma żaru żoni oħra fil-Bidnija fosthom fejn instabet il-loqma tas-sigarett li pejjep il-Fulu meta kien qed isegwi l-aħħar passi ta’ Caruana Galizia.