L-Awtorità tal-Ippjanar ordnat li x-xogħlijiet jitwaqqfu fis-sit fejn iġġarraf parti minn ħitan fil-Foss taċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex. Ix-xogħlijiet wasslu biex iċedi parti mil-foss li huwa skedat fl-għola livell tal-Foss taċ-Ċittadella. L-Awtorità appuntat lill-Perit Herman Bonnici biex isegwi kull tip ta’ xogħol li jrid isir b’neċessità sabiex jassigura li s-sit terġa’ tiġi restawrata kif kienet oriġinarjament.
L-Awtorità se tkun qed tieħu passi kontra min wettaq din il-ħsara sabiex jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret f’sit ta’ Wirt Dinji.
Intant il-Ministeru għal Għawdex u l-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għamlu referenza għall-inċident li seħħ dalgħodu fejn qalu li b’mod immedjat ittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex iż-żona milquta tingħalaq għall-pubbliku.
Fi stqarrija ntqal kif l-awtoritajiet konċernati ġew avżati mall-ewwel biex tittieħed kull azzjoni meħtieġa.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali.