Il-Partit Laburista innota l-kummenti ta’ Adrian Delia llejla fil-Parlament.
Adrian Delia, li dwaru Daphne Caruana Galizia u familtha għamlu diversi allegazzjonijiet, kien imġiegħel jitkellem bilfors biex ma jkomplix jurta lil dawk fil-Partit Nazzjonalista li ma jirrikonoxxuhx bħala l-Kap tagħhom. Fuq bosta mill-kitbiet ta’ Caruana Galizia hemm investigazzjonijiet. Iżda dwar Delia le. Dan għax irtira l-libelli u ma laqax l-isfida li jmur għal inkjesta maġisterjali. Anke jekk l-akkużi kienu dwar prostituzzjoni, droga u ħasil ta’ flus. Dan kollu juri li huwa hu l-iktar li għandu x’jispjega.
Bħal dejjem jekk xi ħadd għandu xi tagħrif imur bih għand l-investigaturi li bl-ikbar serjetà waslu biex hemm tliet persuni akkużati l-Qorti. Il-ġustizzja ma ssirx bl-ispekulazzjoni u s-sens ta’ vendikazzjoni ta’ wħud.
Intant, Delia aħjar jitkellem fuq l-aħħar gidba tiegħu b’rabta mat-taxxa u minn fejn qed iġib l-għexieren ta’ eluf ta’ ewro ftit wara li qal li għandu problema ta’ cash flow.
Fuq kollox, wasal iż-żmien li Delia jibda jwieġeb hu dwar dak li jlissen hu stess, inkluż dwar dak li tkellem dwaru llejla.